Fil-Qorti t’Għawdex kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Hassane Soutra, Marokkin ta’ 53 sena, akkużat li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd 21 ta’ Diċembru 2025 allegatament weġġa’ gravi ħames persuni f’inċident li seħħ fi Triq ta’ Marsalforn.
Ix-xhud ewlieni, Luke Cauchi, xehed li kien għadu kif ħareġ minn party organizzata mill-GUG u kien fil-karozza tiegħu fid-direzzjoni tar-Rabat meta ra xena li ddeskriviha bħala “bħal tal-films,” b’nies itiru fl-arja wara daqqa ta’ karozza li kienet qed tinstaq b’veloċità qawwija fid-direzzjoni opposta.
Hu qal li ra persuna ttir u tinżel mal-art fil-ġenb tat-triq, filwaqt li oħrajn ittajru wkoll u spiċċaw mal-art. Cauchi xehed li s-sewwieq tal-karozza baqa’ jsuq lejn Marsalforn u għalhekk huwa għamel u-turn u mar warajh.
Qal li qabeż lill-imputat u waqqaf quddiemu biex jimblukkalu t-triq. Minn hemm, skont ix-xhud, ħarġet mara mill-karozza li qalet li s-sewwieq kien ħassu ħażin, iżda ftit wara ħareġ ukoll is-sewwieq li kien apparentement taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Cauchi qal li staqsieh jekk jafx x’ġara u jekk jafx li hemm nies feruti, u li Soutra wieġbu: “B’daqshekk ġara?” u beda jidħak, filwaqt li kien jidher jitbandal. Id-difiża ppruvat turi, permezz ta’ filmati tas-CCTV, li l-imputat kien diġà waqqaf il-karozza qabel Cauchi għamel u-turn, iżda minkejja li nġibdu l-attenzjoni tiegħu fuq il-filmati, ix-xhud baqa’ jinsisti li kien hu li effettivament waqqaf lill-imputat milli jkompli jsuq.
Fis-seduta xehed ukoll l-Ispettur Keith Xerri li spjega d-dettalji tal-investigazzjoni, inkluż it-test tan-nifs li wera livell ta’ 105.6mg ta’ alkoħol meta l-limitu legali huwa ta’ 22mg. Hu qal li biex jitneħħa kull dubju, il-Qorti ordnat ukoll test tad-demm u li jittieħdu kampjuni tad-DNA mill-istering u l-handbrake tal-vettura sabiex jiġi kkonfermat min kien verament qed isuq.
Ġie spjegat li l-karozza kienet irreġistrata fuq is-sieħba tal-imputat, li qatt ma kellha liċenzja tas-sewqan, u li s-sieħba kienet fil-karozza u hi stess hija waħda mill-ħames vittmi. L-Ispettur Xerri xehed ukoll li xi vittmi sofrew ġrieħi serji ħafna, b’wieħed minnhom għadu fil-periklu tal-mewt u ġie trasferit Mater Dei.
Qal ukoll li aktar tard fl-istess jum kien irċieva informazzjoni dwar tabib li daħal Mater Dei bi ġrieħi gravi u li qal lit-tobba li kien involut fl-istess inċident, iżda wara l-inċident kien saq lura Malta. Xerri sostna li mill-evidenza jidher li l-karozza kienet sejra b’veloċità għolja, tant li “kieku kien sejjer bil-mod wieħed mill-vittmi ma kienx itir,” speċjalment meta f’dik iz-zona minħabba xogħlijiet il-veloċità massima hija 30km fis-siegħa.
Il-Qorti semgħet ukoll dwar filmati tas-CCTV u sensiela ta’ ritratti miġbura mill-investigaturi. Fl-aħħar tas-seduta saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Maġistrat Jean Paul Grech se jagħti d-deċiżjoni dwarha l-Erbgħa, 7 ta’ Jannar.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Xerri, waqt li għall-imputat dehru l-Avukati Anthea Bonnici Zammit u Delilah Vella, u għall-vittmi dehru l-Avukati Francesca Zarb, Lennox Vella, Robert Spiteri u Ilenia Agius Debono.
//= $special ?>

