Il-Ministru Roderick Galdes ammetta li l-binja ilha tal-inqas erbs’ snin taħt ir-responsabbiltà tiegħu; imma xorta waħda ma jridx jerfa’ responsabbiltà ta’ dak li seħħ fl-għodwa ta’ lejlet l-ewwel tas-sena fil-Birgu.
Dan hekk kif fortunatament ma seħħitx diżgrazzja wara li waqgħet biċċa minn faċċata ta’ binja tal-Housing f’din il-lokalità.
Fix-xhur li għaddew l-istess is-Sindku Laburista tal-Birgu John Boxall kien bagħat sensiela ta’ e-mails kemm lill-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll lill-Ministru Roderick Galdes bil-periklu li kien hemm b’rabta ma’ binja fi Triq l-Antika.
Net News staqsa lill-Ministru Galdes kif għadu ma refa’ responsabbiltà, bil-Ministru jisħaq li “kulma waqgħet l-apramorta fil-maltemp” u li issa se jibda x-xogħol.
Fl-aħħar jiem, is-Sindku John Boxall saħaq li l-ewwel email li bagħat kienet f’Lulju 2023 fejn fakkar lill-Ministru fuq il-konferenza stampa li kien għamel fejn wiegħed li se jirrestawra din il-binja u talbu sabiex iżomm kelmtu.
Dan hekk kif kienet fost numru ta’ binjiet fil-lokalità li kienet qed tieħu ħsieb l-Awtorità tad-Djar – madanakollu kemm Roderick Galdes kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, li kien infurmat b’dawn l-emails… m’għamlu assolutament xejn – minkejja li r-residenti kienu f’periklu ċar.
Ma’ Net News il-Ministru Roderick Galdes prova jilgħab il-logħba partiġjana billi rrefera għal każ li seħħ 25 sena ilu fil-Furjana – madanakollu wara das-snin kollha jidher li kemm hu kif ukoll il-Prim Minsitru Robert Abela ma tgħallmu assolutament xejn għaliex minkejja li kienu konxji bil-periklu… irriskjaw li jintilfu aktar ħajjiet.
Bil-Kunsill Laburista jinsisti li l-Ministru hu responsabbli, waqt li Galdes, ironikament, qalilna li aħna partiġġjani sempliċiment għaliex kwotajna lis-Sindku tal-partit tiegħu stess.
Tul il-jum tal- Ħadd, Boxall sostna mal-gazzetta ‘Illum’ li l-ħtiġijiet tar-residenti tal-Birgu qed jaqgħu fuq widnejn torox, bir-residenti jinsabu mħassba ferm.
F’Lulju 2024, Boxall kiteb e-mail lil Roderick Galdes kif ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela, fejn staqsih x’qed jistenna biex jagħmel xi ħaġa u x’se jiġri li jmutu n-nies?
Dan filwaqt li wara li seħħ il-każ, proprju ftit tas-sigħat wara, Boxall bagħat e-mail oħra lill-Ministru Galdes u lill-Prim Ministru Robert Abela fejn qalilhom li dak li seħħ kienet xorti tajba li ma miet ħadd – u inista li kien diġà wissihom li kienu qed jistennew li ssir diżgrazzja.
Intant, il-Ministru Galdes għal darba, tnejn, tlieta wera li mhux interessat jerfa’ responsabbiltà minkejja li kien konxju mill-periklu li kien hemm fil-Birgu.
Fl-aħħar jiem Net News kiteb lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar dan kollu, madanakollu sal-lum għadna mingħajr tweġiba.
Huwa ċar, li Robert Abela, flimkien ma’ Roderick Galdes, kien konxju minn dan kollu għaliex is-Sindku Laburista John Boxall kien qalilhom bla tlaqliq li l-ħajja tan-nies kienet f’periklu.
//= $special ?>
