Kummerċ Lokali

€7,000 mill-maratona ta’ tisjir ta’ ħelu tal-Milied minn Tangent Club Malta bl-appoġġ ta’ Xjenza Malta

Inġabru €7,000 mill-Maratona tat tisjir ta’ ħlewwiet tal-Milied minn Tangent Club Malta li ttellgħet f’Villa Bighi bl-appoġġ ta’ Xjenza Malta.
Wara s-suċċess tal-Maratona li seħħet fit-13 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet f’Villa Bighi, il-flus miġbura ġew mgħoddija lill-Fondazzjoni Sebħ f’ċerimonja li saret it-Tnejn, 5 ta’ Jannar 2026. Dawn il-fondi se jmorru għall-After Care Service tal-Fondazzjoni Sebħ, bil-għan li jiġu megħjuna żgħażagħ li jkunu waslu biex jitilqu mill-kura residenzjali u jibdew jgħixu ħajja indipendenti. Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ l-investiment fl-edukazzjoni u l-iżvilupp tagħhom, sabiex jidħlu fil-ħajja adulta b’aktar kunfidenza u stabbiltà.
Xjenza Malta, li kienet protagonista biex Tangent Club taħt it-tmexxija tal-President Marthese Micallef seta’ jtella’ din il-maratona, irringrazzjat lil dawk kollha li ħadmu anke b’mod volontarju, attendew, taw donazzjoni u appoġġjaw din l-inizjattiva.
Is-servizz ta’ aftercare għandu fost l-oħrajn numru ta’ professjonisti li jaħdmu ma’ dawn iż-żgħażagħ mill-età ta’ 15-il sena biex jibdew jippreparawhom għall-ħajja indipendenti u jgħinu jippjanaw il-futur tagħhom minkejja diversi diffikultajiet li jkunu ffaċċjaw.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri qal li “l-għajnuna li tat Xjenza Malta f’dan il-proġett kienet parti mir-responsabbiltà soċjali tagħna għaliex nemmnu fl-inizjattiva ta’ Tangent Club u l-proġett ta’ Fondazzjoni Sebħ biex is-Servizz ta’ Aftercare joffri tama liż-żgħażagħ li jkunu waslu biex jagħmlu l-pass li jmiss f’ħajjithom.” Żied li dan huwa proġett li joffri futur liż-żgħażagħ u Xjenza Malta lesta li tkompli tgħin anke fil-futur fi proġetti ta’ din ix-xorta.
Marthese Micallef, President ta’ Tangent Club; min-naħa tagħha qalet li “bis-saħħa tal‑maratona tat‑tisjir tal‑ħelu tal‑Milied, it‑Tangent Club mhux biss irnexxielu jiġbor €7,000 għat‑tfal ta’ Fondazzjoni Sebħ, iżda nissel ukoll sens qawwi ta’ għaqda u solidarjetà fost l-isponsors u l‑voluntiera kollha. Nies li qatt ma ltaqgħu qabel, ħadmu flimkien, id f’id b’qalb kbira, daqslikieku familja waħda. Tant kien hemm atmosfera pożittiva li ħafna minnhom diġà talbu biex jerġgħu jipparteċipaw is‑sena d‑dieħla”.