Il-kaos li nħoloq fil-jiem li għaddew għal dawk li kienu qed jivvjaġġaw bejn Malta u Għawdex ma kellu x’jaqsam xejn mal-maltemp kif ipprova jbellagħhielna l-Ministru Clint Camilleri, u l-Ministru għal Għawdex għandu jgħid il-verità u mhux jibqa’ joħroġ bi skużi biex jipprova jgħatti l-falliment tal-Gvern fil-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-port taċ-Ċirkewwa, ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said u x-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina qalu li n-nuqqas ta’ investiment min-naħa tal-Gvern qed jissarraf f’inkonvenjenzi u ħela ta’ ħin għal min irid jivvjaġġa minn u lejn Għawdex.
Huma qalu li ż-żieda fit-turiżmu waqt il-ġranet tal-festi hija xi ħaġa normali u l-kaos li nħoloq il-ġimgħa li għaddiet mhu xejn għajr ir-riżultat tan-nuqqas ta’ investiment tal-Gvern fil-konnettività li fi tlettax-il sena kien kapaċi biss iġib vapur second-hand, li hu inaċċessibbli, u li għalih qed noħorġu mal-€15,000 kuljum. Dan apparti l-mismanagement fil-Gozo Channel li għaliha hu responsabbli politikament il-Ministru Clint Camilleri.
Gvern Nazzjonalista fi ftit snin kien kapaċi jibni tliet vapuri ġodda b’investiment ta’ €80 miljun – vapuri li allaħares m’hemmx huma llum. Waqt li Gvern Laburista fi tlettax-il sena ħalla lill-Għawdxin u lill-Maltin b’dak li kellhom.
Dawn il-vapuri kapaċi jġorru mad-900 passiġġier kull wieħed filwaqt li n-Nicolaos tal-Gvern Laburista jieħu biss 400. Imma fil-jiem li għaddew u b’mod partikolari nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Jannar, il-vapuri tal-Gozo Channel spiċċaw joperaw b’nofs il-kapaċità tagħhom.
Biex jipprova jiġġustifika l-kaos li nqala’, Clint Camilleri waħħal fil-maltemp u għax ma kienx qed jaħdem il-Fast Ferry – xi ħaġa li wkoll hi ta’ min jistennieha f’dawn il-ġranet. Imma Clint Camilleri għadu sa issa ma spjegax għalfejn fit-tieni jum tas-sena l-ġdida – meta ħafna kienu qed jirritornaw lura lejn Malta minn Għawdex – ma kienx hemm ħaddiema biżżejjed biex il-vapuri jgħabbu l-passiġġieri kollha li jifilħu, bil-konsegwenza li bdew jitilqu mill-port nofshom vojta.
Clint Camilleri għadu ma lissen xejn lanqas dwar il-wegħda li ilha ssir sena wara sena lill-ħaddiema tal-kuntratturi li jingħataw kuntratti mill-Gozo Channel, u li suppost ingħataw post fiss mal-kumpanija, imma li sa issa baqgħu b’xiber imnieħer.
Dak li ġara nhar il-Ġimgħa wassal biex eluf ta’ nies stennew sigħat twal biex jaqsmu l-fliegu, bi kjuwijiet kbar ta’ nies inġabru barra t-terminals, fil-ksieħ u r-riħ u x-xita. Waqt li l-Gvern baqa’ jaħbi r-raġuni vera wara dak li ġara, f’ċerti każi xi vapuri kienu kostretti jtellgħu biss nofs id-900 passiġġier li jifilħu, li jfisser li ma’ kull żewġ vjaġġi bdew jitħallew l-art mal-elf ruħ. U dan wassal għal sitwazzjoni kaotika kemm fl-Imġarr kif ukoll fiċ-Ċirkewwa. Min-naħa l-oħra, minkejja l-iskuża tal-Fast Ferry, wieħed irid ifakkar ukoll li dan ma tantx seta’ kellu effett lanqas fuq is-sitwazzjoni għax jgħabbi mhux iktar minn 300 ruħ fuq kull vjaġġ, bil-vjaġġi tiegħu jsiru kull siegħa.
In-nuqqas ta’ ppjanar u l-mismanagement min-naħa tal-Gvern qed jaħdmu kontra l-isforzi kbar li jsiru min-naħa tal-Gozo Business Chamber, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex u numru ta’ negozji u organizzazzjonijiet li jaħdmu tant biex joffru prodott ta’ kwalità lit-turist.
Minflok joħroġ bi skużi fjakki, il-Ministru Clint Camilleri għandu jiżgura lil kulħadd li dak il-kaos li nħoloq il-ġimgħa li għaddiet mhux se jirrepeti ruħu u għandu jżomm il-wegħda li għamel lill-ħaddiema tal-kuntrattur li dawn jingħataw xogħol fiss.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq dwar il-bżonn ta’ titjib fil-konnettività u Gvern Nazzjonalista jinvesti fi flotta ġdida ta’ erba’ vapuri moderni u ta’ kwalità biex min irid jaqsam bejn Malta u Għawdex ikun jista’ jagħmel dan b’mod effiċjenti, kif ukoll jagħmel studju serju dwar vapur ieħor iddedikat esklussivament għall-ġarr tal-merkanzija bejn iż-żewġ gżejjer. Isir ukoll investiment fil-portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa biex l-infrastruttura tiġi mmodernizzata biex takkomoda l-flotta l-ġdida, inkluż b’titjib fit-toroq għal immaniġġjar aktar effiċjenti tat-traffiku lejn il-vapur.
//= $special ?>

