Internazzjonali Knisja

Il-Papa jagħlaq il-Bieb Qaddis hekk kif ġie fi tmiemu l-Ġublew tat-Tama

Fil-festa tal-Epifanija, proprju fid-9:41 minuta, il-Papa Ljun XIV għalaq il-Ġublew tat-Tama – Ġublew li kien infetaħ f’Diċembru tal-2024 mill-Papa Franġisku. Tant li dan il-ġublew, għal ħafna, se jibqa’ mfakkar bħala l-Ġublew taż-żewġ papiet.

Għal din is-sena qaddisa, il-Vatikan laqa’ ‘l fuq minn 33 miljun pellegrin, li waslu minn 185 pajjiż differenti. Fosthom kien hemm ħafna Maltin u Għawdxin li vvjaġġaw apposta lejn il-Belt Qaddisa biex ikunu parti mill-Ġublew tat-Tama.

Issa, fi tmiem il-Ġublew, il-Papa Ljun għalaq uffiċjalment il-bieb qaddis tal-Vatikan – ċerimonja li għaliha attenda wkoll il-President Taljan.

Ir-rit kien wieħed sempliċi – bil-Papa jidher jitlob quddiem il-bieb, li mbagħad se jiġi issiġillat b’mod privat fil-jiem li ġejjin.

Intant, il-Ġublew li jmiss huwa skedat għas-sena 2033, meta l-Knisja Kattolika se tfakkar l-2,000 anniversarju mill-passjoni, il-mewt, u l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet – tant li dan se jkun qed jissejjaħ il-Ġublew tal-Fidwa.