Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, ikkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti li ċaħdet it-talba ta’ Maria Dolores Darmanin Kissaun, li kienet ħadet post żewġha mejjet Roland Darmanin Kissaun, fil-kawża kontra Peter u Yvonne Moore u l-kumpanija Blade One Yachts Limited.
Il-koppja Moore ffirmaw ‘bill of sale’ bid-data tat-28 ta’ April 2010 għad-dgħajsa MY Pantera 80GT li wara ssemmiet Blade 1. Il-prezz li jissemma fid-dokument hu €1,900,000. Fid-dokument jingħad li hi new build. Il-konjuġi Moore ħarġu invoice bl-istess data għall-istess bastiment deskritt fid-dokument bħala “New Build” u ndirizzat lil “Blade Ltd”.
Hemm dikjarazzjoni ffirmata mill-konjuġi Moore li d-dgħajsa ma kinitx reġistrata x’imkien ieħor minn meta nxtrat fid-9 ta’ Settembru 2009. L-azzjoni kienet infetħet fl-2011 mill-attur oriġinali sabiex jiġi ddikjarat null “Bill of Sale” dwar id-dgħajsa lussuża MY Pantera, wara allegazzjonijiet li l-bejgħ kien ibbażat fuq qerq u informazzjoni falza, b’riferiment għall-Artikolu 981 tal-Kodiċi Ċivili li jipprovdi għan-nullità ta’ ftehim meta l-kunsens ikun vizzjat minn għemil doluż.
Il-Qorti nnutat li l-bejgħ kien sar formalment bejn il-konjuġi Moore bħala bejjiegħa u l-kumpanija Blade One Yachts Limited bħala xerrejja, kumpanija li għandha personalità ġuridika separata. Għalkemm fl-istadju tal-akkwist l-attur kien azzjonist u direttur tagħha, huwa personalment ma kienx parti fil-kuntratt u għalhekk ma setax jinvoka l-Artikolu 981 sabiex jitlob in-nullità, peress li din l-azzjoni hija miftuħa biss għall-partijiet fil-ftehim.
Il-Qorti enfasizzat ukoll li interess ġuridiku għandu jeżisti fid-dħul tal-kawża u jibqa’ jeżisti matul il-proċeduri, u osservat li l-attur kien saħansitra ttrasferixxa l-isħma tiegħu fil-kumpanija ftit xhur qabel fetaħ il-kawża.
L-argument li l-attur seta’ jkun espost għal danni jew responsabbiltajiet legali minħabba l-aġir tal-konvenuti ma ġiex aċċettat, anke għax il-kawżi li kienu bdew kontra tiegħu kienu jew spiċċaw deżerti jew ma nħolqux effetti konkreti li joħolqu interess ġuridiku attwali.
Il-Qorti qalet ukoll li mhux tagħha li tissuġġerixxi kawżi alternattivi li setgħu jinfetħu, iżda l-fatt jibqa’ li l-azzjoni magħżula kienet waħda li l-liġi tirriżerva għall-partijiet tal-kuntratt, u l-attur ma kienx wieħed minnhom. L-aggravji kollha tal-appell ġew miċħuda, u b’hekk ġiet ikkonfermata s-sentenza tal-Ewwel Qorti li kienet laqgħet l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ interess ġuridiku u ċaħdet it-talbiet tal-attriċi.
//= $special ?>

