Lokali

“Irridu naraw li d-djar tal-anzjani joffru l-aqwa servizz” – Alex Borg

“Aħna se nkomplu nagħmlu żjarat bħal dawn biex inkomplu naraw dan l-investiment li qed isir biex ikun hawn djar tal-anzjani ta’ standard għoli u li joffru l-aħjar servizz possibbli lil anzjani tagħna.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, waqt żjara li għamel f’żewġt idjar tal-anzjani ewlenin – Porziuncola By Golden Care f’Baħar iċ-Ċagħaq, u l-Imperial f’Tas-Sliema.

Mal-wasla tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, intlaqa’ mid-delegazzjonijiet li jmexxu d-djar u ltaqa’ mal-ħaddiema, inkluż il-carers u n-nurses fejn seta’ jsegwi mill-qrib is-servizz eċċezzjonali li joffru biex jaraw li l-anzjani jkollhom ħajja diċenti.

Id-dar f’Baħar iċ-Ċagħaq tospita 400 anzjan fiwaqt li dik f’Tas-Sliema għandha 250 resident – b’waiting lists twal, hekk kif id-domanda dejjem qed tiżdied.

Matul din iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ mill-qrib, ma’ numru ta’ anzjani li lkoll laqgħuh bi tbissima fuq fommhom u qasmu miegħu wħud mill-ġrajjiet ta’ ħajjithom – filwaqt li awgurawlu għas-sena l-ġdida u għall-irwol li qed jokkupa bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa żar ukoll il-faċilitajiet ta’ dawn id-djar inkluż, il-ġonna, kmamar ta’ trattament, il-kmamar tas-sodda, il-gym, kliniċi, il-kamra tal-pranzu, il-pixxina interna u s-swali, fost l-oħrajn.

Għal din iż-żjara f’dawn id-djar tal-anzjani, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva, Paula Mifsud Bonnici – li wkoll qed taħdem bis-sħiħ biex tara li tkompli tippromwovi l-anzjanità attiva u tkompli toffri l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista biex l-anzjani jkomplu jgħixu l-ħajja li jixraqilhom.