Żewġ kumpaniji tal-proprjetà fallew milli jwaqqfu mandat ta’ inibizzjoni definit li kien inħareġ kontrihom fuq talba ta’ koppja li qed issostni li sofriet danni u penali kbar minħabba proġett ta’ kostruzzjoni li kieku kellu jitlesta minnhom.
Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, ikkonfermat mandat ta’ inibizzjoni li jaffettwa erba’ proprjetajiet f’Ħal Għargħur li jinsabu taħt komunjoni ta’ proprjetà ta’ KEG Limited u Sting Investment Limited.
Il-mandat kien intalab minn John Paul u Marylou Zarb sabiex il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jbiegħu, jittrasferixxu, jagħtu piżijiet jew b’xi mod iċedu dawn il-proprjetajiet lil terzi, in kawtela ta’ kreditu ta’ €185,650, b’riżerva għal somma ogħla.
Huma sostnew li f’Novembru tal-2022 kienu ċedew fond tagħhom f’Ħal Għargħur lill-istess kumpaniji sabiex dan jitwaqqa’ u flok jiġu mibnija appartamenti ġodda, bil-ftehim li huma jżommu tliet appartamenti oħra u spazji ta’ parkeġġ.
Skont huma, il-proġett dam ħafna aktar milli mistenni, inbidlu diversi pjanijiet u x-xogħol sar b’negliġenza u traskuraġni tant li issa għandhom spejjeż ta’ tiswija u qed jinvokaw ukoll penali kuntrattwali li jgħidu li jilħqu madwar €153,000 minbarra €32,650 fi ħsarat.
Il-kumpaniji wieġbu li ma jeżisti l-ebda periklu li l-proprjetà tinbiegħ jew tiġi mgħobbija b’piżijiet u għalhekk ma hemmx lok għal dan il-mandat, u saħqu li t-talba kienet eċċessiva u anke li hemm żbalji fil-mod kif inqrat il-klawsola tal-penali fil-kuntratt.
Madankollu, il-Qorti osservat li l-proprjetajiet affettwati huma l-unika garanzija reali li għandhom ir-rikorrenti f’dawn iċ-ċirkostanzi u li fuq bażi prima facie hemm kontenzju ġenwin dwar l-ottemperanza tal-obbligi kuntrattwali. Il-Qorti nnutat ukoll li parti mill-proprjetajiet huma diġà taħt garanziji bankarji li jippreġudikaw id-drittijiet tar-rikorrenti, iżda dan ma kienx biżżejjed biex tiċħad l-inibizzjoni.
//= $special ?>

