Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq allegat pussess mhux għal użu personali ta’ kokaina u kannabis

Raġel ta’ 37 sena nżamm taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati għall-pussess ta’ kokaina u kannabis f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux għal użu personali. L-Ispettur tal-Pulizija Darryl Farr spjega fil-Qorti li l-akkużat, Lesley Ros, inqabad flimkien ma’ żewġt irġiel oħra li kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż f’karozza, fejn instab ammont ta’ droga.

Tnejn mis-suspettati ppreżentaw stqarrija fejn sostnew li d-droga kienet f’idejn Ros u li huma ma kellhom x’jaqsmu xejn magħha, waqt li Ros qal lill-Pulizija li d-droga kienet għall-konsum tiegħu. Fil-Qorti, Ros inizjalment ammetta għall-pussess ta’ kokaina u kannabis f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux għall-użu personali.

Madankollu, wara li l-Qorti spjegatlu l-konsegwenzi legali ta’ tali ammissjoni, huwa rtira l-ammissjoni tiegħu u sostna li kien qed jammetti biss għall-pussess għall-użu personali. Ros ukoll wieġeb mhux ħati li wettaq ir-reat fi ħdan 100 metru minn klabb fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ, li naqas milli jaġġorna d-dokumenti ta’ identità tiegħu u li kiser kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja imposta fuqu fl-2018.

Dak iż-żmien kien akkużat b’pussess aggravata ta’ kannabis wara li allegatament instab pakkett ta’ 100 gramma tal-istess sustanza fil-karozza tiegħu. Matul is-seduta, Ros insista li dwar l-akkuża ta’ ksur ta’ kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, il-kawża preċedenti kienet preskritta għax kienu għaddew aktar minn ħames snin, skont dak li kien ġie mgħarraf dak iż-żmien.

L-avukat tal-għajnuna legali tiegħu, Ingrid Zammit Young, talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat. L-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali enfasizza li l-akkużat kien waqaf jiffirma l-bail fl-Għassa tal-Pulizija fi Frar tal-2022 u saħaq li għad hemm żewġ xhieda ċivili li għandhom jixhdu.

Minkejja l-argumenti fid-difiża, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jibqa’ taħt arrest preventiv.

Il-kawża nstemgħet quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil.