Sport

L-Isportiv Ewropew tas-Sena

Għat-tielet darba fil-karriera tiegħu, wara li rebaħ l-edizzjonijiet tal-2022 u l-2024, li għandu u kiser bosta drabi r-rekord dinji tal-pole vault u bla dubju wieħed mill-aqwa atleti attwali, l-Iżvediż Armand Duplantis intgħażel bħala l-Isportiv Ewropew tas-Sena minn ġurnalisti mill-43 assoċjazzjoni nazzjonali affiljata tal-AIPS Europe.

Warajh ġew il-plejer tat-tennis l-Ispanjol Carlos Alcaraz u l-plejer tal-futbol Franċiż Ousmane Dembele.

Aitana Bonmati, il-plejer tal-futbol Spanjola, ukoll għat-tielet darba fil-karriera tagħha ntgħażlet bħala l-Isportiva Ewropea tas-Sena 2025. Wara Bonmati ntgħażlet il-plejer tat-tennis il-Belarussa Aryna Sabalenka u l-atleta Olandiża Femke Bol.

Din kienet it-43 għażla annwali organizzata mill-AIPS Europe permezz tal-istħarriġ dinji li sar mill-AIPS. L-AIPS Europe, l-akbar sezzjoni kontinentali tal-AIPS, twaqqfet fl-1977 fil-Kungress tal-AIPS f’Milano Marittima. Fl-2003, l-għażla annwali ngħata l-isem ta’ Frank Taylor Trophy ad unur l-eks president kemm tal-AIPS kif ukoll tal-UEPS. Eventwalment, il-premju tal-Isportiva Ewropea ngħata l-isem ta’ Evgen Bergant, eks uffiċjal ewlieni tal-UEPS.