Liam Rosenior inħatar bħala l-kowċ il-ġdid ta’ Chelsea. Isem Rosenior, li huwa rispettat ħafna fid-dinja tal-futbol, kien minn ta’ quddiem nett fost l-ismijiet favoriti biex jieħdu post Enzo Maresca, wara li dan tal-aħħar, fl-ewwel jum tas-sena spicca minn kowċ tat-tim Ingliż.
Rosenior, Ingliż ta’ 41 sena, ingħata kuntratt ta’ sitt snin u nofs minn Chelsea wara li kien qed imexxi lit-tim Franċiz ta’ Strasbourg. Il-kowċ il-ġdid ta’ Chelsea, qatta’ snin jilgħab fil-Premier League Ingliż u fil-Football League, fir-rwol ta’ right-back ma’ klabbs bħal Bristol City, Fulham, Reading, Hull u Brighton.
Aktar tard, Rosenior sar analista rispettat ħafna fuq Sky Sports fejn kien isegwi l-EFL. Wara perjodu bħala kowċ tat-tim taħt il-23 sena ta’ Brighton, Rosenior qatta’ tliet snin ma’ Derby County, fejn ħadem ma’ Phillip Cocu u, aktar tard ma’ Wayne Rooney.
Fl-2022 kien maħtur kowċ interim ta’ Derby, fejn mexxa lit-tim għal 12-il partita u rebaħ sebgħa minnhom. Ftit xhur wara, f’Novembru ta’ dik is-sena, ingħata l-ewwel impjieg tiegħu bħala kowċ permanenti meta ngħaqad ma’ Hull City. Huwa bidel l-istil ta’ logħob tat-tim u wassalhom biex jevitaw ir-relegazzjoni fl-ewwel staġun tiegħu fit-tmexxija.
Matul l-istaġun 2023-24, Rosenior kien nominat għall-unur ta’ kowċ tas-sena fiċ-Championship u wassal lit-Tigers biex itemmu fis-seba’ post fil-klassifika.
It-tim tiegħu kien magħmul minn plejers żgħażagħ u promettenti, b’ħafna maniġers tal-Premier League kienu fdawh bil-plejers tagħhom mislufa lit-tim tiegħu, fosthom Liam Delap, Fabio Carvalho u Jaden Philogene.
Dak l-istaġun kien jinkludi wkoll rebħa ta’ 1-0 fuq Leicester, li eventwalment rebħu l-kampjonat. Minkejja dan, wara li fallew milli jilħqu l-playoffs fl-aħħar ġurnata tal-istaġun, Rosenior tkeċċa, iżda malajr issieħeb ma’ klabb ieħor.
F’Lulju tal-2024, inħatar bħala l-kowċ il-ġdid tal-klabb Franċiż Strasbourg, li jappartjeni wkoll lill-grupp BlueCo (is-sidien ta’ Chelsea), b’kuntratt ta’ tliet snin.
Huwa ħa post Patrick Vieira, li kien telaq bi qbil reċiproku wara li temm l-istaġun fit-13-il post. Fl-ewwel staġun tiegħu fi Franza, Rosenior temm fis-seba’ post u kkwalifika għall-UEFA Conference League; kompetizzjoni li fiha Strasbourg impressjonaw dan l-istaġun.
Rosenior kompla jibni r-reputazzjoni tiegħu bħala kowċ li jifhem fid-dettall tattiku, fil-ħiliet ta’ żvilupp tal-plejers u fl-ippjanar fit-tul – kwalitajiet li żgur se jattiraw l-attenzjoni tal-amministrazzjoni ta’ Chelsea.
//= $special ?>

