Opinjoni

Opinjoni: Dan Gvern li jinjora l-karbiet tan-nies

Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli,
il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni

Hu tal-mistħija kif il-Ministru Roderick Galdes u l-Prim Ministru Robert Abela kienu ilhom infurmati s-snin bl-istat ta’ binja antika tal-housing li ġġarrfet fil-Birgu fl-aħħar tas-sena, imma mhux talli ma għamlu xejn imma talli saħanistra injoraw is-sejħiet li saru mis-Sindku u l-Kunsill Lokali Laburista stess biex tittieħed azzjoni.
B’xorti tajba ma weġġa’ ħadd meta ftit tal-jiem ilu din il-binja ġġarrfet wara diversi rapporti li saru u li waqgħu fuq widnejn torox għal aktar minn darba.
Skont dettalji esklussivi żvelati minn NET News – inkluż numru ta’ korrispondenzi elettroniċi li kienu pubblikati – il-Ministru Roderick Galdes li suppost hu responsabbli mill-housing, kien ilu jiġi mwissi bl-istat ta’ din il-binja sa minn Lulju 2023, u apparti d-diversi korrispondenzi elettroniċi u ritratti li rċieva mingħand is-Sindku Laburista sa Diċembru li għadda stess, saħanistra kien mar fil-post erba’ snin qabel u ftaħar li l-binja kienet se tiġi restawrata biex tingħata għall-akkomodazzjoni soċjali.

Twissijiet ripetuti
Imma minn dan ma ġara xejn. Mhux talli hekk, imma talli minkejja t-twissijiet ripetuti dwar il-periklu imminenti ta’ din il-binja kkundannata, l-unika soluzzjoni li sab il-Ministru Galdes kienet li jsir scaffolding mal-binja biex jekk jaqa’ xi ġebel jew iċċedi l-binja ma jaqax il-ġebel fit-triq. 
Jidher li l-Ministru Roderick Galdes – li llum nafu li jitħabbeb sew mal-kuntratturi – aktar medhi jipprova jlaħħaq mal-problemi li għandu wara l-iskandli li ħarġu dwaru fuq id-deals mal-kuntratturi li jieħdu l-kuntratti tal-housing milli jieħu azzjoni biex iwieġeb għall-karbiet tan-nies rigward binjiet fil-periklu li għandhom bżonn il-manutenzjoni.
Bl-istess mod anke l-Prim Ministru Robert Abela jidher li aktar jinteressah li jibqa’ jiddefendi lill-Ministru tiegħu minn dawn l-iskandli milli jindirizza l-inkwiet tan-nies – f’dan il-każ, tar-residenti tal-Birgu.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 4 ta’  Jannar, 2026.