Opinjoni

Opinjoni: Ir-riċerka tal-Verità

Giuseppe Sergi

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali,
l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

Kif taħdem is-soċjetà u kif il-bnedmin fiha kienu jġibu ruħhom, u kif għadhom, ser jibqgħu suġġett ta’ studji varji. Dawk li jħarsu, josservaw, jaqraw u janalizzaw biex jifhmu huma, u fl-istess ħin jgħaddu l-informazzjoni lilna, għandna nagħrfu li ser jibqgħu għaddejjin. Mhux biss, imma ninsabu fil-vantaġġ li dawn jiġu pubblikati.
Fuq il-karta, fil-ktieb preżenti u permanenti għalina. Kif Jean-Claude Carriere (1931-2021) u Umberto Eco (1932-2016) kitbu fil-ktieb interessanti tagħhom Non sperate di liberarvi dei libri (2009) jaffermaw fil-fiduċja tagħhom li l-ktieb ser jibqa’.
Kif jiddikjara Eco: “Il libro è come il cucchiaio, il martello, la ruota, le forbici, una volta che li hai inventati non puoi fare di meglio.” (Il-ktieb huwa bħall-kuċċarina, il-martell, ir-rota, l-imqass, ġaladarba toħloqhom ma tistax tgħaddi mingħajrhom.)

Repożitorji
Dan ġie aktar quddiemi waqt li kont qiegħed naqra l-aħħar ktieb, mill-iktar interessanti, ta’ Evarist Bartolo (1952), Frak mill-Istorja. Ħarsa minn taħt (2025). Ktieb mimli b’punti storiċi li jżommuk taħseb u tirrifletti fit-tul. L-ewwel minħabba fihom infushom, u t-tieni minħabba fil-mod li bih ġew klassifikati loġikament.
Xogħol mibni fuq il-qari tal-awtur u miegħu ir-riflessjonijiet kontinwi tiegħu fir-riċerka kostanti għall-fatti u l-veritajiet li ġew abbandunati. Dawk li ninsew warajna u li kull ġenerazzjoni, għalkemm tiktibhom ta’ warajha, insibu li tħallihom wieqfa jistennewna. L-awtur josserva sewwa b’attenzjoni u f’mument minnhom jgħidilna: “S’issa ftit għadna napprezzaw dan il-wirt ta’ ġensna u matul is-snin ħafna minnu ġie vandalizzat u meqrud għax ma kienx meqjus wirt storiku bħall-bini tal-Kavallieri u taż-żmien li konna kolonja tal-Imperu Britanniku.”

Ġenerazzjonijiet
Kull ġenerazzjoni ġġorr magħha parti minn dak li trid li jibqa’ mfakkar minn tagħha u minn ta’ qabilha. Drabi tara xi punti fi żmienha bħala importanti għaliha, mentri ta’ warajha jaraw punti kompletament differenti. Ħafna drabi kollox jiddependi fuq dak li jinkiteb. Mhux faċli li ġġib it-trasmissjoni vokali passati lura fix-xena, għalkemm bil-mezzi elettroniċi li għandna hemm vantaġġi f’dan. Imma fil-verità kollox jiddependi mill-kitba.
Dokumenti varji miġbura u miżmuma minn soċjetà huma determinanti għall-istorja tagħha u għall-identità nazzjonali li tikber u tiżviluppa. Eżamijiet varji u studji daqshekk ieħor jibdlu dak li nagħrfu bħala fatti u nifhmu dawk li mhumiex hekk. Xi drabi tista’ tibdel l-istampa u x-xenarju; oħrajn anki jekk id-definizzjonijiet jidhru mod li fil-fatt mhumiex, trid tirrepetihom xorta biex tinftiehem.
B’kitbietu, Evarist Bartolo daħħal f’dan proprju s-subgħa fil-ferita storika tagħna. Fortunatament għandna ġenerazzjoni ta’ storiċi li jridu jifhmu aħjar. Dawk ta’ pajjiżna li huma wkoll influwenzati mill-kurrenti nazzjonali, dawk Ewropej u internazzjonali qed jiktbu u jirriflettu.

Giuseppe Sergi (1946)
Fuq dan, f’punt li dan l-awtur fil-ktejjeb mill-iktar interessanti tiegħu L’Idea del Medioevo. Fra Storia e Senso Comune (1998) jafferema dak li naħsbu u li fil-fatt ir-riċerka storika qed turi. Fil-kuntrasti bejn il-verità u l-perċezzjoni tagħha. Fil-kundanna żbaljata li saret minn oħrajn li ma qrawx sew dak li dan iż-żmien kien verament. F’dan huwa jippreċiża: “La percezione del senso comune sul medioevo nasce non dalla pratica storiografica degli specialisti, bensì da esperienze disciplinari non medievistiche, dalla didattica e dal giornalismo. C’è dunque una cultura storica non caratterizzata da una tempestività ricenzione dei progressi scientifici, ma corrispondente con un deposito di conoscenze sedimentate, spesso lontane dalla realtà accertibile del medioevo.” (Il-perċezzjoni tas-sens komun fuq il-medjuevu titwieled mhux mill-ħidma dixxiplinata tal-ispeċjalisti, minn esperjenzi dixxiplinari li mhumiex hekk, imma mit-tagħlim u l-ġurnaliżmu. Hemm għalhekk kultura storika li mhijiex bażata fuq il-konklużjonijiet tal-progress xjentifiku, imma tikkorrispondi ma’ depożitu ta’ konoxxenzi sedimentarji li huma lkoll, ħafna drabi, ’il bogħod mir-realtà tal-medjuevu li tista’ tiġi verifikata.)

Fix-xenarju
Waqt li ninsabu f’dinja fejn ir-regoli qed jitwarrbu u dak li m’għandux isir qiegħed isir, dan huwa iktar rilevanti. Waqt li qed nissugraw mill-ġdid li ninħakmu f’dinja ta’ gwerer, dak li niġu misqija u dak li huwa veru nagħrfu li jitlob mingħandna aktar attenzjoni u reqqa. Aktar u aktar fl-għarfien li sejrin f’dinja li ma nagħrfux.
Dan jista’ jidher parti minn ripetizzjoni ta’ aġir żbaljat u rakkontat mill-passat, forsi wkoll mill-medjuevu li wħud jorbtu ma’ dak li huwa ikrah, imma li mhuwiex. Imma dan huwa kompletament differenti. Il-medjuevu jista’ jiġi identifikat ma’ passat ikrah imma fil-fatt, kif diversi storiċi juru, mhuwiex.
Proprju f’dan, fir-riċerka kostanti u mitluba tal-bniedem lejn il-verità għandna nifhmu kemm dak li hu għaddej huwa serju, u fl-istess ħin, kif ma naħsbux li ma nistgħux inkunu bnedmin li nibqgħu naħdmu għas-sewwa? Jekk wieħed irid soċjetà, dinja aħjar, ma jistax ma jkunx vuċi kritika u attenta sabiex jirbħu lura l-paċi u l-liġi.

Fl-għarfien
F’dan, fl-għarfien li dak li seħħ verament kien inbidel minn dawk li kitbu wara, irridu naħdmu aktar sabiex illum ikollna l-fatti. Il-fatti qabel nitkellmu u qabel jittieħdu deċiżjonijiet politiċi li jorbtuna.
Pajjiżna għandu l-vantaġġ taċ-ċokon tiegħu. Għandu l-vantaġġ li nistgħu niftiehmu aktar minn oħrajn. Għandu dak ta’ bnedmin li huma ffurmati minn art komuni. F’dan nittama proprju li din is-sena tkun waħda fejn ma nitħallewx ninġibdu u nitkaxkru minn deċiżjonijiet żbaljati. Għandna dmirijiet ċari lejn l-oħrajn u lejna nfusna li rridu nġorru.
F’dan għandna nagħrfu l-pariri u l-gwida ta’ Giuseppe Sergi u naħdmu għalhekk sabiex tul din is-sena nkunu parti akbar minn proċess lejn il-fatti u l-verità.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 6 ta’  Jannar, 2026.