Mara, li ma tistax tissemmma b’ordni tal-Qorti, ingħatat ordni ta’ probation wara li ammettiet li ħadet lil binha minuri barra minn Malta lejn il-Libja mingħajr il-kunsens jew l-għarfien tal-missier u bi ksur ta’ ordni ta’ awtorità kompetenti.
Il-każ imur lura għal żmien meta t-tifel kien għadu taħt is-16-il sena. Il-missier kien ressaq ilment kriminali fejn spjega li fl-aħħar tal-2019, wara li t-tifel kien temm trattament kontra l-kanċer, kien hemm ftehim li l-omm tieħdu Għawdex għal tlett ijiem u li l-missier kellu jara lil ibnu fl-Għid il-Milied.
Madankollu meta mar jiġbru mid-dar tal-omm tal-akkużata, ġie mgħarraf li kienet ilha barra għal ħamest ijiem u baqa’ ma jaf xejn dwar fejn kien ibnu sakemm fi Frar tal-2023 sar jaf li rritorna Malta, bil-konsulenza legali tiegħu tikkonferma li t-tifel kien irritorna f’Settembru jew Ottubru tal-2022.
Rappreżentant ta’ Identità xehed li kien hemm applikazzjoni għall-passaport tat-tifel mill-ambaxxata Maltija fil-Libja fis-7 ta’ Settembru 2021, iżda mingħajr il-firma tal-missier. Rappreżentant mid-Direttorat għall-Protezzjoni tat-Tfal spjegat li kienu saru rakkomandazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Familja sabiex it-tifel jgħix mal-missier u biex jittieħed mill-ġdid taħt superviżjoni, bl-istess rapport jirrakkomanda wkoll laqgħat ta’ żjarat taħt sorveljanza, valutazzjoni psikoloġika u terapija tal-familja kollha.
Tabib li kkura lit-tifel għal sentejn spjega li t-tifel kien ibati minn disturbi ta’ attakkament minħabba nuqqas ta’ stabbiltà fil-kuntest familjari, iżda aktar tard irrimarka li t-tifel mexa ’l quddiem meta beda jgħix ma’ missieru u wkoll grazzi għall-kooperazzjoni tal-omm fit-terapija tal-familja.
L-omm ammettiet l-akkużi li f’Novembru 2025. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti qalet li minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji tal-każ u fl-aħjar interess tat-tifel, kastig ta’ natura riformattiva kien l-aktar xieraq. Hija saħqet fuq l-importanza li tkompli t-terapija tal-familja sabiex kemm l-omm kif ukoll il-missier jipprovdu stabbiltà lit-tifel u tawha ċans ieħor biex tirriforma ruħha.
Il-mara ngħatat ordni ta’ probation għal tliet snin.
Il-każ kien presedut mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, bl-Ispettur Gabriel Kitcher imexxi l-prosekuzzjoni u l-Avukat Stefano Filletti jidher għall-akkużata.
//= $special ?>

