Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet rikors li kien qed jitlob kumpens għad-danni u għall-okkupazzjoni allegatament illeċita ta’ proprjetà. Emmanuel Vella għan-nom ta’ oħrajn, kienu allegaw li Robert Zammit u persuni oħra kienu qed iżommu u jużaw il-proprjetà b’mod mhux ġust u kienu talbu kumpens finanzjarju kif ukoll stima teknika tal-valur tal-okkupazzjoni.
Il-qorti kienet diġà ħatret perit sabiex jistabbilixxi l-valur lokattiv għall-perjodu kkonċernat u sar aċċess fuq il-proprjetà. Il-konvenuti sostnew li ġie miksur id-dritt tagħhom għal smigħ xieraq minħabba li ma attendewx waqt l-aċċess u talbu sabiex dan jerġa’ jsir, kif ukoll biex jinħatru esperti oħra u jitwaqqfu termini proċedurali relatati.
Il-Qorti’ però osservat li l-konvenuti kienu infurmati permezz tal-avukati tagħhom u kellhom kull opportunità sabiex jipparteċipaw jew jagħmlu l-oġġezzjonijiet tagħhom fil-ħin, iżda għażlu li jibqgħu passivi. Il-komunikazzjoni mal-avukati tagħhom kienet suffiċjenti u konformi mal-prattika ġudizzjarja u għaldaqstant ma kien hemm l-ebda ksur ta’ drittijiet fundamentali.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti rrimarkat li ma kien hemm l-ebda bażi valida biex terġa’ ssir il-proċedura jew tinbidel id-deċiżjoni preċedenti tagħha, u lanqas sabet raġuni sabiex tagħti awtorizzazzjoni għall-appell. Għalhekk, ir-rikors tal-konvenuti ġie miċħud u d-deċiżjoni preċedenti baqgħet fis-seħħ, bil-kwistjonijiet tal-ispejjeż riżervati għall-ġudizzju finali tal-kawża.
//= $special ?>

