Lokali Qorti

Tellar meħlus mill-akkuża ta’ miżapproprjazzjoni wara 21 sena fuq nuqqas ta’ prova konkreta

Tellar inħeles mill-akkużi ta’ miżapproprjazzjoni indebitata tal-flus ta’ klijent tiegħu wara li l-Qorti qieset li ma kien hemm ebda prova tanġibbli li l-imputat verament seraq il-flus, f’każ li jmur lura għal 21 sena.

Jeffrey Cassar ta’ 41 sena mill-Mosta kien akkużat li approprja lilu nnifsu somom ta’ flus li ngħatawlu minn klijent sabiex iwettaq tiswijiet u jixtri parts għal vetturi li kien qed jaħdem fuqhom, kif ukoll li kiseb flus bi pretensjonijiet foloz.

Il-każ imur lura għall-2005. Tmien snin wara Cassar kien instab ħati u kkundannat sentejn priġunerija iżda s-sentenza kienet annullata mill-Qorti tal-Appell li ordnat li l-każ jerġa’ jinstema’ fl-2023. Matul is-smigħ mill-ġdid Cassar reġa’ ċaħad l-akkużi.

Il-klijent kien xehed li kellu diversi vetturi f’idejn Cassar għal tiswijiet u manutenzjoni u li kien ta flus lill-imputat biex jixtri l-parts meħtieġa. Madankollu x-xogħol ma sarx fi żmien raġonevoli, bil-klijent jgħid li kellu saħansitra jħallas lil ħaddieħor biex itemm ix-xogħol fuq it-Toyota Celica tiegħu u li l-Pulizija wara erba’ snin sabu l-vetturi tiegħu, li kienu nstabu fi stat degradat u mhux imsewwija.

Meta reġa’ ta x-xhieda fl-2023, il-klijent qal lill-Qorti li Cassar kien raddlu l-flus kollha waqt il-proċeduri tal-appell u wera l-intenzjoni li jirtira l-każ. Fid-dikjarazzjoni tiegħu lill-Pulizija Cassar kien spjega li beda x-xogħol iżda kellu jieqaf wara li nsterqitlu biċċa tagħmir essenzjali u ammetta li uża parti mill-flus għal skopijiet personali.

Iżda l-Qorti skartat din id-dikjarazzjoni bħala inammissibbli minħabba li saret mingħajr assistenza legali, għalkemm fi żmien l-arrest tiegħu din il-protezzjoni ma kinitx għadha fis-seħħ fil-liġi lokali. Il-Qorti osservat li l-fatti ma jaqgħux taħt reat ta’ pretensjonijiet foloz u dwar l-miżapproprjazzjoni indebitata qieset li ma setgħetx tasal għall-konklużjoni li l-imputat uża l-flus għal skopijiet oħra minbarra xiri ta’ parts, filwaqt li l-falliment fix-xogħol deher jirriżulta minn diffikultajiet operattivi aktar milli minn intenzjoni kriminali.

Il-Qorti qieset ukoll li l-flus ġew rrifużi u li l-klijent xtaq itemm il-kawża. Hija tenfasizza li l-prosekuzzjoni għandha d-dmir tippreżenta l-prova kollha meħtieġa biex tipprova l-każ tagħha, u fin-nuqqas ta’ prova konkreta, Cassar ġie meħlus mill-akkuża.

Il-kawża kienet preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, bl-Avukat Nicholas Mifsud jidher għall-imputat.