Internazzjonali

TRAĠEDJA ŻVIZZERA: Is-Sindku ma jridx jirriżenja – iħabbar projbizzjoni fuq l-użu ta’ sparklers fl-istabbilimenti

Id-dettalji li ħarġu fl-aħħar sigħat huma xokkanti. Ebda kontrolli fl-aħħar ħames snin. Is-sistemi tas-sigurtà kienu ilhom ma jiġu ċċekjati. U s-Sindku tal-lokal… wara traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ 40 persuna… ma jridx jirriżenja.

Dan kollu ħareġ mill-konferenza li saret għall-ġurnalisti t-Tlieta filgħodu wara t-traġedja li seħħet il-ġimgħa li għaddiet fi ski resort fl-Iżvizzera – preċiżament fil-bar Le Constellation.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, intqal li l-awtoritajiet lokali kienu ilhom ħames snin ma jagħmlu xi forma ta’ safety checks. U ma saru ebda spezzjonijiet matul dawn is-snin sabiex jiġi assigurat li l-post huwa sigur.

Mal-ġurnalisti, is-Sindku qal li huma bħala Kunsill se jikkoperaw bi sħiħ fl-investigazzjoni li għaddejja. U se jkunu trasparenti. Iżda stqarr li mhux se jirriżenja minn Sindku. Dan filwaqt li insista li issa se jkunu l-Qrati li jistabbilixu min kien responsabbli għal dan id-diżastru.

Hu estenda apoloġija sinċiera lejn il-familji tal-40 vittma. Iżda f’ħin minnhom ġurnalist partikolari insista li l-Kunsill naqas mir-responsabbiltà li kellu, u naqas milli jwettaq spezzjonijiet sabiex jassigura li jkun hemm sigurtà f’dawn l-istabbilimenti.

Is-Sindku minn naħa tiegħu qal biss li se jsir audit tal-postijiet kollha u l-istabbilimenti li hemm f’din iz-zona muntanjuża tal-Iżvizzera – li kull sena tiġbed eluf kbar ta’ turisti.

L-awtoritajiet lokali ħabbru wkoll li se jimponu projbizzjoni fuq l-użu ta’ sparklers fil-magħluq.

In-nar ta’ lejlet l-ewwel tas-sena kien fuq fomm kulħadd; speċjalment minħabba x-xeni li ċċirkolaw online – filmati ta’ qsim il-qalb.

Apparti l-vittmi, kien hemm 116-il persuna li weġġgħu gravi bil-ħruq li sofrew – b’uħud minnhom għadhom f’qagħda kritika.