Christian Micallef jirraporta kontinwament matul il-ġurnata bl-aħħar aħbarijiet marbuta mis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar, mil-futbol Malti.
Illum hu t-tieni jum tas-suq tat-trasferimenti f’Malta, u l-aħbarijiet ma jiqfux partikolarment dawk marbuta mat-12-il klabb tal-Malta Premier. Fl-isfont ta’ dawn l-aħbarijiet, bejn ilbieraħ, illum u għada qed tintlagħab match day 16 tal-Kampjonat.
Pablo Doffo l-għażla ta’ Sliema Wanderers minflok Paul Zammit
Konfermata storja oħra esklussiva li rraporta Replay illum, dik tal-ħatra tal-kowċ il-ġdid ta’ Sliema Wanderers FC, li se jkun is-suċċessur ta’ Paul Zammit. L-Arġentin Pablo Doffo, eks plejer f’Malta ma’ diversi klabbs u riċentement kowċ ta’ Nadur Youngsters, ġie fdat bir-responsabbiltà teknika tat-tim Slimiż.
Doffo se jkun qed jirritorna fit-tmexxija ta’ klabb tal-Malta Premier wara li fl-istaġun 2022/23 kien mexxa lil Marsaxlokk. Dak l-istaġun kien temmuh billi wassal lix-Xlukkajri sal-finali tal-FA Trophy, li iżda tilfu kontra Birkirkara.
Fl-istaġun ta’ wara, Doffo ħa t-tmexxija ta’ Swieqi United, fejn dam żewġ staġuni. L-istaġun li għadda kien wieħed storiku għal Swieqi, meta temmew fit-tielet post tal-klassifika finali fiċ-Challenge League – l-aqwa riżultat fl-istorja tagħhom.
Dan l-istaġun, Doffo beda avventura ġdida f’Għawdex ma’ Nadur Youngsters. Madankollu, l-esperjenza tiegħu ma’ dan it-tim ma kinitx waħda pożittiva, hekk kif wara sitt partiti fl-Ewwel Diviżjoni Għawdxija, Nadur jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika b’erba’ punti biss.
Bħala kowċ, Doffo diġà kellu suċċess ma’ Marsaxlokk, fejn kien wassalhom għall-promozzjoni miċ-Challenge League għall-Malta Premier fit-tmiem tal-istaġun 2021/22. Barra minn hekk, kien viċin li jikseb promozzjoni oħra meta kien fit-tmun ta’ Senglea Athletic fl-istaġun 2015/16, meta t-tim tal-Isla kien temm fit-tielet post.
Replay hu infurmat li Sliema Wanderers u Nadur Youngsters waslu fi ftehim sabiex Doffo jinħall mil-kuntratt tiegħu mal-Għawdxin, wara li Nadur talbu kumpens finanzjarju lill-Wanderers. Is-somma ma ġietx żvelata, iżda kienet maqbula bejn iż-żewġ klabbs.
Intant Net News jista’ jiżvela li l-eks captain ta’ Sliema Wanderers, Mark Scerri inħatar Direttur Tekniku tal-klabb.

Birkirkara jkomplu jsaħħu d-difiża tagħhom b’akkwist ta’ Brażiljan
Birkirkara komplew isaħħu d-dipartiment difensiv tagħhom, u wara li nhar it-Tnejn li għadda ħabbru b’mod uffiċjali r-ritorn ta’ Alessandro Coppola, illum sar magħruf li akkwistaw difensur ieħor ta’ statura għolja, bl-isem ta’ Ronivan Bispo Dos Santos.
Il-Brażiljan ta’ 24 sena, kien qed jilgħab l-aħħar f’wieħed mil-Kampjonati reġjonali tal-Brażil, Campeonato Mato-Grossense ma’ Camboriú FC. Roni Santos, li hu twil 192 ċentimetri, fil-passat lagħab ma’ klabbs oħra Brażiljani fosthom Grêmio Anápolis, Cametá u Jacobina.
Attakkant Spanjol ta’ 24 sena jiffirma ma’ Mosta
Mosta wkoll għaddejin b’ħidma kbira biex jagħmlu bidla sħiħa fil-barranin li kellhom s’issa dan l-istaġun.
Kmieni llum wara nofsinhar, il-Mostin ħabbru l-akkwist ta’ Cheikh Diamanka Senghor, attakkant ta’ 24 sena mis-Senegal iżda għandu passaport Spanjol.
Diamanka kien qed jilgħab l-aħħar fl-Asja, fit-Tieni Diviżjoni tal-Ġappun, ma’ Fujieda MYFC. Matul il-karriera tiegħu, Diamanka kiseb esperjenza vasta ma’ diversi klabbs, f’diversi pajjiżi, fosthom Spanja, Portugall u l-Bulgarija.
Birkirkara jħabbru t-tieni akkwist f’ġurnata, din id-darba midfielder mill-Kolombja
Fit-tieni jum tas-suq tat-trasferimenti, Birkirkara F.C. ħabbru żewġ akkwisti ġodda. Wara li dalgħodu żvelaw l-isem tad-difensur ċentrali Ronivan Bispo Dos Santos, aktar tard il-klabb ikkonferma wkoll il-firma ta’ Sebastian Viveros Lopez.
Għal darb’oħra, il-Karkariżi komplew isaħħu t-tim tagħhom b’plejer ieħor mill-Amerika t’Isfel. Viveros, midfielder Kolombjan ta’ 28 sena, huwa magħruf għall-enerġija tiegħu, l-għarfien tattiku fil-logħba u l-abbiltà li jikkontribwixxi kemm fid-difiża kif ukoll fl-attakk.
Din se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Viveros ma’ klabb Ewropew, wara li s’issa lagħab dejjem fil-kontinent tiegħu. Hu beda l-karriera f’pajjiżu, il-Kolombja, qabel ma ngħaqad mal-klabb Bolivjan, San Antonio Bulo Bulo fejn kiseb esperjenza siewja u logħob regolari.
Aktar reċentement, Viveros kien qed jilgħab fl-Urugwaj ma’ Central Español. Issa, se jibda avventura ġdida fl-Ewropa ma’ Birkirkara, hekk kif il-klabb Malti jkompli jsaħħaħ l-iskwadra tiegħu għall-bqija tal-istaġun.
//= $special ?>

