Lokali

Appell mir-residenti tal-Birgu biex il-Ministru Galdes ikun trasparenti

Sax-xitwa se ċċedi l-binja – in-nuqqas ta’ azzjoni tiegħek u l-fatt li tibqa’ tinjora s-sitwazzjoni qed iqgħiedu lil kulħadd f’riskju.

Dawn kienu l-appelli magħmula sena ilu mir-residenti, mħassba ferm dwar il-binja fi Triq l-Antika fil-Birgu li lejlet l-ewwel tas-sena ċediet parti mill-faċċata tagħha – b’riskju kbir għal kull min potenzjalment seta’ kien għaddej minn taħtha.

Dan minkejja wkoll l-appelli tas-Sindku tal-lokal John Boxall flimkien ma’ numru ta’ residenti li inevitabbilment kienu qed jinkwetaw għal saħħithom u saħħet l-għeżież tagħhom.

It-Tlieta waranofsinhar, il-Ministru responsabbli minn din il-binja Roderick Galdes qalilna li kulma waqgħet kienet l-apramorta fil-maltemp.

Madanakollu bosta residenti li tkellmu magħna saħqu li l-apramorta ma waqgħetx bil-maltemp, iżda sforz il-ħsara li kellha, bil-Ministru kien ilu snin jaf bis-sitwazzjoni.

Dan filwaqt li d-diskors tal-Ministru kien deskritt bħala wieħed insensittiv għaliex ġebel li jaqa’ għal erba’ sulari ċertament setgħa kellu konsegwenzi serjissimi għal kull min kien għaddej minn taħtha.

Roderick Galdes sostna li kien għamel ilqugħ neċessarju għal dan kollu madanakollu l-iscaffolding li qiegħed kien biss ta’ sular għoli… ma binja ta’ erba’ sulari. Bl-appell ikun wieħed, sabiex il-Ministru jkun trasparenti u jgħid il-verità.

Ċioè li l-Kunsill Lokali tal-Birgu u r-residenti ilhom snin jappellawlu u jiġru warajh b’dan ir-riskju – u sabiex effettivament jibda jsir xi ħaġa ta’ ġid wara snin twal u jibda x-xogħol kif imwiegħed, kellhom jaslu sabiex ħajjithom titqiegħed f’riskju bil-ġebel tal-apramorta jaqa’ 4 sulari għal isfel fit-triq residenzjali.

Hemm biss donnu issa beda jiċċaqlaq xi ħaġa.