Internazzjonali

Diversi reġjuni tal-Ewropa f’kaos wara l-inżul straordinarju tas-silġ u l-borra

Il-kontinent tal-Ewropa jinsab assedjat bl-inżul tal-borra u s-silġ aktar intensiv minn tas-snin preċedenti għal dawn iż-żmenijiet….Sitwazzjoni li kaġunat ċirkustanzi ta’ periklu għal eluf kbar ta’ nies, bl-iskedi tal-ivvjaġġar jitħarbtu fi kważi kull reġjun tal-kontinent.

Jidher ukoll li l-elementi ħorox tax-xitwa rriżultaw f’numru ta’ fatalitajiet b’kaġun ta’ inċidenti dovuti għall-maltemp – b’ħamsa jmutu waqt inċidenti bil-karozza f’reġjuni separati ta’ Franza.

Il-Ministru Franċiż għat-Trasport,  Philippe Tabarot, ma eskludiex għal aktar ħalbiet ta’ borra sa, almenu, tmiem il-ġimgħa, Dan waqt li wissa biex in-nies, kemm jista’ ikun, ma jivvjaġġawx għal distanzi twal.

Fil-fatt, xejn anqas minn 38 distrett ta’Franza spiċċaw fuq livell ta’ allert ‘oranġjo’ minħabba l-periklu mill-borra u s-silġ li qed ikopri ħafna mit-toroq prinċipali – u bil-ferroviji jwaqqfu s-servizzi għal perjodu mhux determinat.

Kienu anki rappurtati l-vittmi f’Sarajevo, il-kapitali tal-Bosnja-Erżegovina wara l-inżul ta’ aktar minn 40 ċentimetru borra fuq din il-belt.

L-aħħar rapporti, sadanittant, ikkonfermaw li tħassru l-mijiet tat-titjiriet madwar l-Ewropa – b’eluf  ta’ passiġġieri li bbukkjaw il-‘flights’ jibqgħu iżolati f’numru ta’ ajruporti, inklużi ta’ Pariġi u Amsterdam.

Mistenni li l-intoppi għall-ivvjaġġar mill-art u mill-ajru se jkomplu madwar il-kontinent sa, almenu, tard fil-lejl tal-Erbgħa.

Fil-fatt, l-awtoritajiet meteoroloġiċi fil-Balkani, fl-aħħar sigħat, qalu li qed jistennew aktar maltemp perikoluż wara l-aħħar dulluvju ta’ borra u xita bis-silġ.

Ir-rapporti mill-Olanda qalu li tħassru ‘il fuq minn 400 titjira mill-ajruport ta’ Schiphol, f’Amsterdam, fost l-inkonvenjent għall-eluf tal-passiġġieri li ħafna minnhom ma setgħux jaqbdu l-connecting flights. Fl-Olanda wkoll kellhom jieqfu s-servizzi kollha tal-ferrovija għalkemm dan kien indikat għal ‘perjodu ta’ żmien qasir’ avolja persistew il-problemi tal-maltemp.

Dan ukoll meta tħassru numru ta’ servizzi tal-Eurostar minn Pariġi għal Amsterdam.

Fi żviluppi oħra, il-Met Office fir-Renju Unit ħareġ l-amber alerts relatati mal-irwiefen kbar li qed jassedjaw l-artijiet ta’ Cornwall maġenb il-kosta kif ukoll il-Gżejjer ta’ Scilly. Intant, niżlet kwantità ta’ borra sostanzjali fuq diversi bnadi tal-Midlands u Wales.

Fl-istess ħin, l-intoppi għas-sewwieqa huma kbar fir-Renju Unit — fost friża straordinarja u fost it-twissijiet biex is-sewwieqa jieħdu kull prekawzjoni fl-interessi tas-sigurtà.

Kien hemm anki inċident partikulari f’Reading, barra Londra, fejn numru ta’ tfal weġġgħu f’ħabta bejn xarabank tal-iskola u vettura oħra…Inċident li l-awtoritajiet qalu li kien dovut għall-medda tas-silġ li, bħalissa, qed tkopri t-toroq tar-reġjun partikulari.