ESKLUSSIVA: Tħassib minħabba ċavetta li ma setgħetx tinstab

“Tfittxija kbira fil-ħabs għal ċavetta li kellha ċerta importanza”.

Din hija is-sitwazzjoni li żviluppat fil-Facilta Korrettiva ta’ Kordin, b’sorsi tagħna jispjegaw li t-tfittxija għal din iċ-ċavetta partikolari ħolqot sens ta’ ansjetà u tensjoni fost it-tmexxija tal-ħabs.

Is-sorsi li kellmuna mill-ħabs stess qalulna li kull uffiċjal ġie imsejjaħ biex jidħol – daqstant kienet kunsidrata gravi s-sitwazzjoni. L-istess sorsi ċaħdu li kien hemm xi forma ta’ rewwixta minn naħa tal-priġunieri li hemm fil-ħabs; għalkemm it-tensjoni kienet evidenti.

Net News jista’ jikkonferma wkoll li fl-aħħar sigħat saret tfittxija intensiva fost il-priġunieri u anke fiċ-ċelel infushom u fid-diviżjonijiet varji.

Dan l-istazzjon mal-ewwel stqasa lid-Direttur tal-Ħabs ta’ Kordin jekk hux minnu illi priġunier kellu ċavetta li tiftaħ iċ-ċellel ta’ diviżjoni partikolari….kif irnexxielu jakkwista din iċ-ċavetta….u jekk din setgħetx twassal biex priġunieri jaħarbu mill-ħabs.

Saqsejna wkoll jekk hux veru li nstabu numru ta’ affarijiet illegali għand il-priġunieri fosthom skieken, frieket, għodda tal-kċina u ħġieġ u li jistgħu jkunu ta’ periklu.

Għal dan kollu, id-Direttur tal-Ħabs – sal-ħin li tajnih – kien baqa’ ma weġibx.

Net News talab ukoll informazzjoni jekk hux qed isiru tfittixijiet estensivi tal-oġġetti li qed jidħlu l-ħabs, u jekk inħatritx investigazzjoni interna.

Dwar dan il-każ serju, anke l-Ministru Byron Camilleri baqa’ kompletament fil-muta.