Kummerċ Lokali

Il-BOV u l-Pulizija jingħaqdu għal għarfien akbar dwar il-kriminalità finanzjarja u l-protezzjoni tal-pubbliku

Il-Bank of Valletta u l-Korp tal-Pulizija ffirmaw ftehim fil-prinċipju sabiex bi sforzi konġunti, jiżdied l-għarfien dwar il-kriminalità finanzjarja u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-klijenti u tas-soċjetà.

Il-ftehim kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia u mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, fil-preżenza ta’ Ryan Caruana, Chief Anti-Financial Crime Officer fi ħdan il-BOV, u l-Assistent Kummissarju Fabian Fleri li jmexxi d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji tal-Korp tal-Pulizija.

L-għan ewlieni ta’ dan il-ftehim mifrux fuq tliet snin, huwa li tissaħħaħ ir-reżiljenza kontra l-kriminalità finanzjarja permezz ta’ inizjattivi bejn iż-żewġ naħat; titqajjem kuxjenza u tiżdied l-edukazzjoni sabiex jonqsu l-vittmi tal-istess kriminalità; u jiġi ffaċilitat u assigurat l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni u intelliġenza, filwaqt li tissaħħaħ il-kapaċità investigattiva permezz ta’ taħriġ u għarfien espert. Dan għandu jwassal biex jitjiebu l-mekkaniżmi li jipproteġu lill-pubbliku permezz ta’ kollaborazzjoni innovattiva.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia spjega kif dan il-ftehim jissiġilla l-kollaborazzjoni bejn il-Bank u l-Korp tal-Pulizija, tul is-snin.

Huwa qal li “l-Kriminalità Finanzjarja tinkludi firxa wiesgħa ta’ reati li jvarjaw minn finanzjament ta’ terroriżmu, tixħim, korruzzjoni, scams u frodi. Il-Bank ilu ħafna jaħdem mal-Pulizija biex flimkien nipproteġu lill-klijenti tagħna u s-soċjetà minn dawn ir-reati serji. Aħna naqsmu l-informazzjoni u naħdmu mill-qrib fl-investigazzjonijiet. Permezz ta’ dan il-ftehim se nagħmlu pass ieħor, hekk kif se nkunu qed intellgħu inizjattivi konġunti bħal kampanji ta’ għarfien, u nesploraw modi ġodda kif nipproteġu lill-pubbliku minn tattiċi li dejjem qed jevolvu u xejriet użati mill-frodisti.”

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà enfasizza n-natura dejjem tinbidel tal-kriminalità u l-importanza ta’ sħubiji b’saħħithom biex jiġu indirizzati r-riskji emerġenti.

Dan il-ftehim ifisser alleanza strateġika bejn il-BOV u l-Pulizija, mibnija fuq il-fiduċja reċiproka u r-responsabbiltà konġunta. Permezz tiegħu, iż-żewġ naħat qed iġeddu l-impenn tagħhom li jipproteġu l-benesseri finanzjarji sew taċ-ċittadini Maltin kif ukoll tal-istituzzjonijet lokali.