Id-dizzjunarju popolari Oxford English Dictionary għadu kif żdied erbat ikliem li ġejjin mill-Malti bħala parti mill-aħħar aġġornament li ġiet ippubblikat f’Jannar. Dan hekk kif id-dizzjunarju ta’ Oxford għandu selezzjoni kbira ta’ kliem li ġejjin mill-pajjiż jew minn fost popli li jitkellmu bil-lingwa Ingliża – tant li żdiedu kliem varji ġejjin mill-Ġappun, il-Korea t’Isfel u anke l-kontinent Afrikan.
Fil-każ ta’ Malta, kien hemm tliet kelmiet li żdiedu mill-Oxford English Dictionary, anke frażi partikolari.
‘Pastizz’ hija waħda mit-tliet kelmiet li żdiedu fl-aħħar reviżjoni ta’ dan id-dizzjunarju, u tirreferi għall-kultura kulinarja ta’ Malta, li nfirxet ukoll f’pajjiżi oħra bħall-Kanada u l-Awstralja.
Imbagħad hemm ukoll il-kliem ‘aljotta’ u ‘bigilla’. Anke dawn żdiedu fid-dizzjunarju Ingliż, bir-riżultat li se jiġu esposti għal miljuni kbar ta’ persuni li regolarment jużaw dan id-dizzjunarju.
Kemm ‘pastizz’ kif ukoll ‘aljotta’ għandhom oriġini minn Sqallija, u l-istorja tagħhom – flimkien mal-bigilla – hija spjegata fid-dizzjunarju.
Intant, il-frażi ‘Maltese English’ ġiet inkluża wkoll fl-Oxford English Dictionary. Din tirreferi għall-kliem li mill-Ingliż jieħdu forma Maltija, jew anke kliem Malti li jieħu sura Ingliża. Bid-dizzjunarju stess jgħid li dan il-‘Maltese English’ għandu għeruq li jmur lura għall-1878.
//= $special ?>
