Internazzjonali

In-Nazzjonijiet Uniti tgħid li l-Palestinjani fil-West Bank qed isofru minn sistema ta’ apartheid

In-Nazzjonijiet Uniti qed takkuża lil Iżrael b’att ta’ apartheid fil-West Bank hekk kif minn Ottubru tal-2023, kien innotat deterjorazzjoni bla preċedent fiz-zona ma’ dak li għandu x’jaqsam drittijiet tal-bniedem.

In-Nazzjonijiet Uniti qed tisħaq li r-ripressjoni fuq is-soċjetà ċivili fil-West Bank qed tintensifika bid-diskriminazzjoni u segregazzjoni tal-Palestinjani.

F’rapport maħruġ mill-uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti favur id-drittijiet tal-bniedem intqal kif fil-West Bank qed issir diskriminazzjoni sistematika fil-konfront ta’ kull Palestinjan u li fit-territorji okkupati mill-Palestinjani s-sitwazzjoni fl-aħħar snin qed tikkollassa.

Volker Turk, il-mexxej tal-uffiċċju favur id-drittijiet tal-bniedem fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, insista li d-drittijiet tal-Palestinjani qed jiġu fgati għalkollox kemm f’dak li għandu aċċess għal ilma, edukazzjoni, saħħa, jew saħansitra kemm iżżur lil qraba jew ħbieb. Huwa insista li kull aspett tal-ħajja tal-Palestinjani fil-West Bank qed ikun ikkontrollat b’dawk li ddeskriva liġijiet diskriminatorji imposti minn Iżrael.

Għaldaqstant huwa temm jgħid li dan ma hu xejn ħlief aġir diskriminatorju u razzist li jirrifletti sistema ta’ apartheid li diġà kellna xhieda tagħha snin ilu.

Turk stqarr li s-settlers Iżraeljani u l-Palestinjani huma suġġetti għal żewġ sistemi ta’ liġijiet differenti bbażati fuq razza, reliġjon u etniċità – bil-Palestinjani jispiċċaw bl-artijiet u residenzi maħtufin.

Preżentament fil-West Bank jgħixu madwar nofs miljun Iżraeljan filwaqt li hemm madwar tliet miljun Palestinjan.