Lokali Qorti

Irrevokata sentenza ta’ ksur tal-Istandards tal-COVID

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ħelset lil Elaine Mulcahy, co-manager ta’ La Vida Bar de Tapas, wara li irrevokat sentenza tal-2025 li kienet sabitha ħatja li kisret l-istandards tad-distanza soċjali relatati mal-COVID-19, li naqset milli tirreġistra l-post bħala stabbiliment tal-ikel u li ostakolat lill-uffiċjali waqt spezzjoni fl-2021.

Mulcahy kienet ikkundannata wara spezzjoni minn żewġ Environmental Health Practitioners, li allegaw li l-mejda kienet imqiegħda aktar qrib milli jippermettu r-regoli tal-pandemija, li l-post ma kienx irreġistrat skont il-liġi u li hija ma kkooperatx meta ġew mitluba d-dettalji tagħha.

Fl-appell tagħha, Mulcahy qajmet primarjament kwistjoni dwar il-validità legali tal-istandards tas-saħħa pubblika wara li l-istat ta’ emerġenza kien intemm f’Ġunju 2020. L-argument tad-difiża kien li ladarba l-emerġenza ma kinitx għadha fis-seħħ, id-direttivi ma setgħux jibqgħu japplikaw.

Il-Qorti ma qabletx ma’ dan il-punt. Hija qalet li l-Artikolu 34(2) tal-Kap. 465 jagħti setgħat wiesgħa lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex joħroġ direttivi anke barra stat formali ta’ emerġenza. Madankollu, minkejja dan, il-Qorti sabet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkużi b’mod sod.

Il-kejl tad-distanza kien difettuż

Il-Qorti rrimarkat li l-evidenza dwar id-distanza soċjali kienet legalment insuffiċjenti. L-ispetturi ressqu ritratti ta’ apparat ta’ kejl li wera distanza ta’ 1.296m u 0.620m bejn il-mejda. Madankollu, ir-regoli stipulaw li d-distanza kellha titkejjel mill-quddiem ta’ siġġu għal ieħor jew dahar ma’ dahar, b’ċifri minimi ta’ 3m u 2m rispettivament. Il-metodu użat mill-uffiċjali għaldaqstant kien deskritt bħala “difettuż”.

Barra minn hekk, il-Qorti nnotat li l-ewwel qorti kompletament injorat djarju ta’ ġimgħa ta’ kuntatt-tracing li kien jikkonferma l-konformità tal-post. Fattur ċentrali fid-deċiżjoni kien il-mod kif aġixxew l-ispetturi. Mulcahy xehdet li l-uffiċjali ma kinux liebsa uniformi, lanqas badge, u rrifjutaw li juru identifikazzjoni minkejja li ġew mitluba.

Allegat ukoll li qalulha li “ma kellhiex drittijiet” u heddduha b’arrest, u sostniet li spiċċat tbati minn ansjetà u stress wara l-inċident. Il-Qorti enfasizzat li uffiċjali awtorizzati għandhom obbligu legali li jidentifikaw ruħhom meta jintalbu. Jekk iridu kooperazzjoni, għandhom huma stess josservaw il-liġi.

F’dan id-dawl, peress li ma identifikawhomx, Mulcahy ma setgħetx tittieħed responsabbli talli ma tatx id-dettalji tagħha jew talli ostakolat lil xi ħadd li legalment ma wera l-ebda prova ta’ awtorizzazzjoni. Il-Qorti sabet ukoll li ma kienx ippruvat li l-post kellu jkun irreġistrat bħala stabbiliment tal-ikel. Ir-regoli jeħtieġu reġistrazzjoni jekk il-post jopera bħala food business għal inqas minn tlett ijiem fi żmien tliet ġimgħat.

Peress li ż-żjara kienet waħda biss, ma kienx hemm prova li dan il-limitu nħakem.

Il-Qorti għalhekk ħassret kompletament is-sentenza oriġinali, irrevokat il-multa ta’ €550 u assolviet lil Elaine Mulcahy minn kull akkuża.

Id-difiża kienet magħmula mill-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.