“Iż-żgħażagħ huma kruċjali fis-soċjetà tagħna u huwa importanti li jkomplu jsemmgħu leħinhom għaliex iż-żgħażagħ huma l-futur ta’ pajjiżna.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg hekk kif l-Erbgħa waranofsinhar kellu laqgħa mar-rappreżentanti tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fejn tkellmu dwar il-ħidma tagħhom.

Matul din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg saħaq li l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ huwa pjattaforma tajba għaż-żgħażagħ dan filwaqt li huwa essenzjali li jkomplu jsemmgħu leħinhom.
Alex Borg qal ukoll li hemm diversi fergħat fejn iż-żgħażagħ jistgħu jinvolvu ruħhom kemm dawk politiċi kif ukoll dawk li qegħdin fis-soċjetà ċivili. Hawnhekk, huwa saħaq fuq l-importanza li l-politiċi jżommu kuntatt kontinwu maż-żgħażagħ u li jfasslu politika li tindirizza l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ kollha.
Apparti minn hekk, huwa semma wkoll li matul l-aħħar edizzjoni tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ ħarġu dettalji importanti b’rabta mal-Intelliġenza Artifiċjali dan filwaqt li spjega li l-Intelliġenza Artifiċjali huwa l-preżent u għalhekk irridu nisfruttawh illum qabel għada.
Minn naħa tagħhom, iż-żgħażagħ preżenti tkellmu fuq il-ħidma tagħhom matul is-sena kif ukoll spjegaw li matul l-aħħar sena żdiedu l-membri biex issa hemm madwar 50 membru uffiċjali. Dan apparti l-fatt li ħafna żgħażagħ isegwu din il-pjattaforma u jesprimu l-opinjoni tagħhom.
Huma tkellmu wkoll dwar il-ħidma tagħhom barra minn xtutna fejn ipparteċipaw f’diskussjonijiet ferm importanti. Dan filwaqt li spejgaw li l-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ li jsir kull sena jirrikjedi ħafna xogħol u dedikazzjoni bil-preparamenti jibdew minn xhur qabel.
Intant, għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Minister Bernice Bonello.




