Kunsilli Lokali Lokali

Jerġa’ jisfronda l-pavimentar fil-Pjazza tal-Imqabba

Wara li parti mill-Pjazza tal-Imqabba għamlet jiem sħaħ magħluqa, matul il-jum tal-Erbgħa bdew ix-xogħlijiet f’din iz-zona hekk kif għal darb’oħra reġa’ beda jisfronda l-pavimentar.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Din mhux l-ewwel darba li kellha tingħalaq parti minn din il-pjazza dan hekk kif wara li ġiet inawgurata lura fl-2021 din il-pjazza baqgħet tingħalaq kull ftit xhur għaliex jibda jinqala’ l-pavimentar kaġun tal-inkompetenza fil-mod kif sar ix-xogħol oriġinarjament.

Infatti fl-ewwel sena li saret din il-pjazza kellha tingħalaq għal tal-anqas tliet darbiet; u minkejja li issa għaddew ix-xhur, din l-istorja għadha tirrepeti ruħha.

Persuni li tkellmu ma’ Net News qalu li l-pavimentar ġeneralment jisfronda wara li tkun għamlet ix-xita – dan apparti li l-pavimentar ma jifħlaħx għall-vannijiet u trakkijiet li jgħaddu minn din il-pjazza ta’ kuljum; sitwazzjoni simili għal dik li kien hemm fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, li spiċċat kellha ssir mill-ġdid bit-tarmak.

Għaldaqstant, kull darba li jridu jsiru x-xogħlijiet din il-pjazza tispiċċa tingħalaq għal ġimgħat sħaħ għad-detriment tar-residenti u ta’ dawk kollha li jkollhom bżonn jagħmlu użu minn din il-pjazza prinċipali fil-lokalità tal-Imqabba.

Intant, bosta persuni qalulna li hemm bżonn li t-tiswijiet isiru b’mod effettiv bil-għan li din il-problema tiġi eliminata jew inkella l-vannijiet u t-trakkijiet ma jitħallewx jgħaddu mill-pjazza.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo