Lokali Qorti

Jinżamm taħt arrest wara li ġie akkużat li hedded lill-eks martu li jaħraqha

Raġel ta’ 51 sena tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati akkużat li kkaġuna biża’ serja ta’ vjolenza lill-eks martu wara li allegatament qal lil binthom li kien se “jaħraq lil ommha ħajja”. L-inċident allegatament seħħ fis-30 ta’ Diċembru meta l-vittma kienet qed toqgħod f’lukanda flimkien ma’ binthom, li kienet f’kuntatt telefoniku mal-missier dwar kwistjoni relatata ma’ bejgħ ta’ dgħajsa li ma setax isir mingħajr il-firma tal-eks mara.

Il-Pulizija, taħt id-direzzjoni tal-Ispettur Christian Cauchi, spjegat li l-vittma ressqet rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika wara li semgħet personalment il-konversazzjoni, peress li l-mobajl kien fuq speaker.

Matul din il-konversazzjoni, allegatament il-raġel wieġeb lil bintu li ma jimpurtahx u li kien se jaħraq lil ommha ħajja. Ġie spjegat ukoll li fil-konfront tal-imputat diġà kien hemm ordni ta’ protezzjoni in vigore minn April tal-2025.

L-imputat għażel li ma jkunx assistit minn avukat u qal li ma jifhimx għaliex kien taħt arrest. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza lill-eks martu, għall-użu ħażin ta’ mezzi teknoloġiċi, kif ukoll għall-ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni.

Minkejja li talab il-ħelsien mill-arrest, billi sostna li fi żmien xahar irid jivvjaġġa barra minn Malta, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-passat kriminali tiegħu relatat ma’ każijiet simili u l-fatt li għad hemm xhieda ċivili li għad trid tinstema’.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat jibqa’ miżmum taħt arrest sakemm il-proċeduri jibqgħu għaddejjin. L-Ispettur Christian Cauchi ipproċeda f’isem il-Prosekuzzjoni.