Il-Qorti tal-Appell kriminali kkonfermat is-sentenza kontra l-eks goalkeeper tat-tim Nazzjonali Malti, Justin Haber, wara li ċaħdet l-appell tiegħu dwar il-ħtija ta’ fastidju sesswali fuq impjegata li kienet tifla ta’ 14-il sena meta beda jabbużaha sesswalment.
Haber, ta’ 44 sena, kien instab ħati f’Settembru li għadda bejn l-2020 u l-2022 iffastidja sesswalment it-tfajla, li kienet taħdem bħala waitress fir-ristorant tiegħu f’Marsaxlokk. Il-Qorti kkonfermat piena ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, multa ta’ €7,000 u ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur il-vittma u l-familja tagħha. Il-Qorti ordnat ukoll li jibqa’ fil-lista uffiċjali tar-reati sesswali.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li s-sentenza oriġinali ma kinitx eċċessiva fid-dawl tal-gravità tar-reat, u enfasizzat li Haber abbuża minn pożizzjoni ta’ awtorità fuq tifla vulnerabbli taħt l-età. Il-Qorti ċaħdet l-argument ta’ Haber li l-imġiba tiegħu kienet “ħbiberija” jew parti minn ambjent tax-xogħol informali, u sostniet li l-hekk imsejħa “atmosfera ta’ familja” fuq il-post tax-xogħol qatt ma tista’ tiġġustifika fastidju sesswali.
L-Imħallef osservat ukoll li Haber kien raġel matur ta’ fuq l-40 sena u għalhekk ir-responsabbiltà tiegħu kienet ferm ikbar. Il-vittma, li l-isem tagħha hu projbit milli jiġi ppubblikat, kienet irrakkuntat kif Haber li kien jitlobha ritratti intimi meta kellha 14-il sena, kien imissha bla kunsens, inkluż fuq wara u fuq għonqha, kif ukoll iqarrqaq biha biex tbusu fuq xufftejh meta kienet taħseb li kien se jitlobha biss bewsa fuq ħaddejha. Huwa anke kien jitlobha tibgħatlu ritratti ta’ sidirha. Dan l-abbuż baqa’ għaddej sakemm hi kellha 16-il sena.
Qalet ukoll li kien issuġġerielha li titlef il-verġinità miegħu, stedinha għand daru u darba oħra fuq dgħajsa. Spjegat li kienet tibża’ tirrifjuta għax beżgħet mir-reazzjoni tiegħu u ma setgħetx titlaq mix-xogħol għax kienet teħtieġ id-dħul.
Fl-appell tiegħu, Haber sostna li l-prosekuzzjoni ma rrappreżentatx provi biżżejjed u li x-xhieda tat-tfajla u ta’ xhud ieħor taħt l-età kienu esaġerati u influwenzati. Fost oħrajn qal li d-dislessija tiegħu ma tippermettihx jikteb il-messaġġi li ġew prodotti bħala prova u li ma kienx hemm esperti tal-qorti li kkonfermaw li l-messaġġi ħarġu minn apparat tiegħu.
Madankollu, il-Qorti osservat li Haber kien waqa’ f’kontradizzjoni, peress li minkejja li fil-qorti ċaħad li bies lit-tfajla fuq xufftejha, il-pulizija kien ammetta li għamel dan kif ukoll li messha fuq wara. Il-Qorti qalet ukoll li x-xhieda tal-vittma kienet konsistenti u ssostniet ruħha permezz ta’ xhud ieħor.
Rigward il-piena, l-Imħallef Scerri Herrera qalet li l-fatt li s-sentenza tinkludi sospenzjoni tal-ħabs u multa ma jfissirx awtomatikament li hija eċċessiva. Il-Qorti nnotat li l-ewwel Qorti kienet ibbilanċjat tajjeb iċ-ċirkustanzi aggravanti u dawk attenwanti, u li l-piena għandha wkoll rwol deterrenti. Haber ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-esperti tal-qorti filwaqt li jibqa’ soġġett għall-miżuri ta’ protezzjoni favur il-vittma.
//= $special ?>
