Il-President tal-Istati, Donald Trump, qed jiddiskuti l-għażliet li hemm quddiemu biex ikun jista’ jaħtaf il-kontroll ta’ Greenland – it-territorju semi-awtonomu li jaqa’ taħt l-amministrazzjoni tad-Danimarka….Sadanittant, il-White House mill-ġdid għamilha ċara li l-Istati Uniti mhix teskludi li tirrikorri għall-forza biex takkwista Greenland minħabba l-hekk-imsejħa ‘ħteġiet urġenti fl-interessi tas-sigurtà’.
L-intransiġenza tal-Istati Uniti f’din l-issue provokat reazzjoni determinata min-naħa tad-Danimartka — li għamlitha ċara li mhix se taċċetta li tispiċċa vittma ta’ rikatt min-naħa ta’ Trump u l-Ogħla Uffiċjali f’Washington,
Id-Danimarka qed tisħaq li kwalunkwe attakk militari tal-Istati Uniti fuq Greenland – territorju li l-politika tad-difiża tiegħu hi determinata mill-istess Daniżi – għandu jfisser it-tmiem ‘assolut’ tal-Alleanza tan-NATO.
Dan għaliex kull azzjoni militari mill-Amerikani fil-konfront ta’ Greenland tikkostitwixxi wkoll attakk dirett fuq alleat ewlieni tal-Istati Uniti…Sitwazzjoni li għandha twassal anki għat-tmiem tal-kunċett għaz-zamma tas-sigurtà internazzjonali li ilu effettiv u rispettat (mill-Istati Uniti u l-Istati Ewropej) minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru ta’ Greenland, Jens-Frederik Nielsen, mill-ġdid, appella biex il-President Amerikan Donald Trump ma jkomplix jenfasizza ‘retorika perikoluża u li hi kompletament inaċċettabbli’
Dan meta l-ftit għexieren tal-eluf ta’ residenti fi Greenland qed jieħdu bl-akbar serjetà it-theddida potenzjali mill-Istati Uniti, bis-sorsi infurmati jirreferu għal ‘arja akbar ta’ tensjoni u biża’ qalb il-Greenlanders.
Fl-istess ħin, il-Prim Ministru tad-Danimarka, Mette Frederiksen, qed tħeġġeġ biex il-Mexxejja tad-dinja jkomplu jirrispettaw u jsostnu d-drittijiet, il-liġijiet u l-konvenzjonijiet li l-Alleanza tal-Punent (in-NATO) ilha tippromwovi għal daqstant snin.
Iżda l-aħħar kummenti ta’ Stephen Miller, il-viċi-kap tal-istaff ta’ Donald Trump għall-affarijiet politiċi, komplew iżidu l-pressjoni fuq Greenland u d-Danimarka.Dan meta Miller, issa, qed jikkuntesta biċ-ċar ‘id-drittijiet tad-Daniżi għal kull forma ta’ awtorità fuq it-territorju inkwistjoni’.
Miller huwa wkoll kunfidenti li t-territorju jispiċċa f’idejn l-Anerikani għaliex, skont hu, ħadd mhu se jikkonfronta lill-Istati Uniti dwar il-futur ta’ Greenland’
Sadanittant, fl-Ewropa, irranka sens akbar ta’ rabja dwar il-politika aggressiva u espansjonista minn Washington. Dan meta l-Mexxejja tar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja u Spanja ssieħbu ma’ Mette Frederiksen biex jiddefendu s-sovranità ta’ Greenland.
L-awtoritajiet lokali fi Greenland qalu li għalkemm ilhom għal ħafna żmien alleati leali tal-Istati Uniti, dan ma jfissirx li r-residenti fit-territorju għandhom xi interess f’li jsiru ċittadini Amerikani. L-istess awtoritajiet qalu li huma, fil-fatt, ir-residenti li jiddeċiedu l-futur ta’ Greenland u meta l-poplu f’dan it-territorju se jibqa’ jippromwovi l-kunċett tal-alleanzi aktar milli stat ta’ kolonjaliżmu.
U filwaqt li l-Gvern ta’ Donald Trump jibqa’ magħruf għall-element tal-imprevedibbiltà, l-uffiċjali f’Kopenhagen, il-kapitali tad-Danimarka, qed jaqblu li s-sitwazzjoni ta’ Greenland saret wisq serja u li l-Punent, issa, qed jiffaċċja wkoll ‘sitwazzjoni storika’ fejn pajjiż tan-NATO qiegħed jhedded bil-miftuħ lil pajjiż ieħor tal-Alleanza.
//= $special ?>

