Internazzjonali

Il-qawwiet navali tal-Istati Uniti jaħtfu t-tankers taż-żejt li kisru s-sanzjonijiet

Il-qawwiet tal-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, telgħu fuq tanker taż-żejt irreġistrat ir-Russja u li hu suġġett għas-sanzjonijiet li l-Amerikani qegħdin jimponu għat-trasport tal-kunsinni taż-żejt mill-Veneżwela. Aktar qabel, il-qawwiet marittimi Amerikani kienu qed isegwu dan it-tanker waqt li kien qed jivvjaġġa mill-Oċean Atlntiku – u bl-azzjoni sseħħ ladarba  t-tanker kien ftit mijiet ta’ metri ‘il barra mill-Iżlanda.

Kelliema għall-US European Command qalu li l-ħtif tat-tanker kien relatat mal-mandat speċifiku maħruġa minn Qorti Federali fl-Istati Uniti.

L-istess tanker, bl-isem Marinera, kien ilu fil-mira tal-Istati Uniti mindu dan, jiem ilu, żgiċċa mill-assedju tal-Amerikani fuq il-portijiet tal-Veneżwela  — u fejn anki rnexxielu jevita t-tentattivi tal-membri tal-Gwardjani tal-Kosta biex jitilgħu fuqu,

Ir-Russja, sadanittant, baqgħet issegwi din is-sitwazzjoni drammatika fost stqarrija minn Moska li t-tanker spiċċa suġġett għal ’attenzjoni eżaġerata’ mill-qawwiet marittimi tal-Istati Uniti u n-NATO. Fil-fatt, Moska anki bagħtet sottomarin u vapuri oħrajn biex jipprovdu speċi ta’ skorta għal dan it-tanker waqt li kien għadu f’zona ta’ baħar bejn l-Iżlanda u l-Gżejjer tar-Renju Unit.

Għalissa ma hemmx provi konkreti li t-tanker bil-bandiera tal-Federazzjoni Russa qed iġorr kunsinna taż-żejt mill-Veneżwela. Dan meta l-Istati Uniti, fil-preżent, qed taċċerta li l-ebda oil tanker suġġett għas-sanzjonijiet mhu se jitħalla jidħol jew jitlaq mill-portijiet tal-Veneżwela.

Fi żvilupp ieħor simili, l-Istati Uniti –permezz tal-US Southern Command – ikkonfermat li kienet ħaftet vapur ieħor li, allegatament, kien qed jikser l-ordni għas-sanzjonijiet; bl-azzjoni, din id-darba, isseħħ fir-reġjun tal-Karibew.

L-istqarrija qalet li l-MT Sophia kien qed jivvjaġġa fl-ibħra internazzjonali fejn kien involut f’attivitajiet illegali fil-Karibew. Kien anki kkonfermat, wara, li l-Gwardjani tal-Kosta Amerikani kienu qed jeskortaw dan it-tanker lejn l-Istati Uniti bħala parti minn politika ta’ difiża magħrufa bħala ‘Operation Southern Spear’.

L-Istati Uniti, fl-aħħar jiem, żiedet ir-ronda u l-azzjonijiet kontra l-vapuri u tankers suspettati bħala parti minn hekk imsejjaħ shadow fleet ta’ bastimenti li qed iwasslu, minn taħt, iż-żejt prodott mill-Veneżwela u l-Iran lejn ir-Russja…Dan bi ksur sfaċċat tas-sanzjonijiet internazzjonali li ilhom effettivi għal ħafna żmien.