Lokali Qorti

Libertà kundizzjonata wara li ammetta akkużi ta’ vjolenza domestika

Raġel ta’ 33 sena, Ryan Borg, residenti r-Rabat ammetta serje ta’ akkużi relatati ma’ vjolenza domestika kontra l-eks sieħba tiegħu. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, illiberatu bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor għal perjodu ta’ sentejn.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-inċidenti seħħew bejn il-25 ta’ Diċembru 2025 u l-5 ta’ Jannar 2026 f’dar fir-Rabat kif ukoll f’lokalitajiet oħra. Ġie allegat li f’dawn l-okkazzjonijiet, Borg ikkawża lill-eks sieħba tiegħu biża’ li setgħet tintuża vjolenza kontriha, heddedha, insulentaha u wera ruħu aggressiv lejha.

Intqal ukoll li l-akkużi kienu aggravati minħabba li saru fil-kuntest domestiku u kienu akkumpanjati minn imgieba jew atti ta’ natura vjolenti. Borg ammetta wkoll talli wera imġiba intimidanti u ta’ theddid li kellha l-għan li tbeżża’ jew tagħmel ħsara lill-vittma.

Wara li ammetta l-ħtija tiegħu, il-Qorti ddeċidiet li tilliberah bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor għal żmien sentejn, li jfisser li jekk fi żmien dan il-perjodu jikkommetti reat ieħor, is-sanzjonijiet kontra tiegħu jistgħu jiġu attivati. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.