Lokali

“Malta aħjar m’għandiex tibqa’ biss ħolma” : Konvenzjoni Nazzjonali mill-PN fi Frar li ġej

“Malta aħjar m’għandiex tibqa’ biss ħolma, imma se tkun proġett li nagħmlu flimkien u li verament isir attwali”.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta nieda skema ġdida ta’ crowdfunding – din id-darba sabiex issir Konvenzjoni Nazzjonali fi Frar li ġej sabiex il-vuċi tal-poplu jkun verament fiċ-ċentru tal-politika tal-PN.

Fi kliem Alex Borg, din l-inizjattiva ta’ crowdfunding ġiet imnedija sabiex bil-Konvenzjoni Nazzjonali jitnissel sens ta’ kuraġġ fil-pajjiż. U l-Partit Nazzjonalista ikun jista’ jdawwar l-isfidi li qed ngħixu fihom bħalissa f’opportunità ħalli jagħti direzzjoni ċara lil Malta u Għawdex.

Il-Konvenzjoni Nazzjonali hija waħda mill-wegħdi li qed iwettaq Alex Borg u li kienet ġiet preżentata fil-kampanja għat-tmexxija tal-PN matul is-sajf li għadda.

U dan huwa t-tieni proċess ta’ crowdfunding li qed iniedi l-Partit Nazzjonalista – bl-ewwel crowdfunding kien ta’ suċċess kbir fejn fi ftit jiem intlaħqet is-somma li kienet meħtieġa sabiex il-Partit Nazzjonalista jniedi l-podcast uffiċjali tiegħu.

Sabiex wieħed jagħti s-sehem tiegħu biex il-mira ta’ €20,000 tintlaħaq, għandu jżur is-sit: Donazzjoni għall-Konvenzjoni Nazzjonali