Opinjoni

Opinjoni: L-2025 f’retrospettiva

Fuq livell internazzjonali matul l-2025 seħħew diversi sitwazzjonijiet politiċi ġodda li wħud minnhom issorprendew lil kulħadd

Mark A. Sammut Sassi
Opinjonista

L-Editur ta’ Il-Mument stedinni nikteb dil-analiżi tas-sena li ntemmet f’dawn il-jiem – l-2025 – b’ħarsa lura, retrospettiva, fuqha u fuq il-ġrajjiet, ewlenin u mhumiex, li sawruha.
“U dan hu l-Milied / u inti x’għamilt? / Sena oħra għaddiet / u waħda ġdida għadha kif bdiet… U dan hu l-Milied (il-gwerra spiċċat) / Għad-dgħajfa u s-sħaħ (jekk inti hekk trid) / Għall-għonja u l-foqra (il-gwerra spiċċat) / It-triq twila wisq (issa) / U allura Milied ħieni (il-gwerra spiċċat) / għas-suwed u l-bojod (jekk inti hekk trid) / għas-sofor u l-ħomor (il-gwerra spiċċat) / nieqfu issa mill-ġlied (issa)” – hekk kanta John Lennon fl-1971.
Fl-1971, bħal-lum, kienet qed tiġi miġġielda gwerra. Dakinhar fil-Vjetnam, illum fl-Ukraina. Lennon seta’ kien qed ikanta dwar il-gwerra ta’ żmienna.
Dis-sena li għadha kemm ingħalqet tibqa’ mmarkata minn tliet ġrajjiet li f’fehmti huma ta’ importanza dinjija.
L-ewwel nett, minkejja l-ħafna tbassir ta’ ġurnalisti Ewropej (li ħasbu li r-Russja se togħtor), il-gwerra fl-Ukraina kompliet; dejjem taħsad aktar ħajjiet innoċenti u tissokta tqaxqax il-finanzi pubbliċi Ewropej.
Mhux biss, imma l-Ewropej qed iħaffu l-pass biex joqorbu lejn twaqqif totali ta’ xiri bl-irħis tal-gass mir-Russja, biex issa jibdew jixtruh bl-għoli mill-Istati Uniti.
L-impatt ta’ dan fuq l-ekonomija se jkun qawwi: anqas flus fi bwiet l-Ewropej, anqas turiżmu lejn Malta u anqas kummerċ, u anqas fondi Ewropej ta’ koeżjoni u ta’ żvilupp.
Dan irid jiżżewweġ mal-fatt l-ieħor li l-2025 kienet waħda mill-agħar snin (għal uħud, bħal Stellantis, filfatt l-agħar sena) għall-manifatturi tal-karozzi. It-tnaqqis goff fil-profitti għall-industrija awtomobilistika fil-pajjiżi Ewropej hu ta’ tħassib serju għas-saħħa ekonomika tal-blokk Ewropew

Is-saħħa politika ta’ Georgia Meloni
It-tieni avveniment importanti: il-gazzetta Ewropea Politico ddikjarat lil Giorgia Meloni, il-Prim Ministru tal-Italja, bħala l-aktar persuna politikament f’saħħitha fl-Ewropa, u r-rivista internazzjonali Forbes iddikjaratha r-raba’ l-aktar persuna politikament f’saħħitha fid-dinja. L-avveniment hu importanti għax juri l-ewwel nett li, kuntrarjament għal dak li jgħidu l-progressisti u l-liberali, mhux minnu li n-nisa ma jistgħux jilħqu l-istess qċaċet għall-irġiel.
It-tieni nett, li dan hu l-mument tal-konservatiżmu. Meloni hi ta’ ispirazzjoni għal kulħadd – nisa u rġiel – u hi leħen welled tama għal żvolta f’Ewropa u f’dinja bbumbardjati mill-Wokiżmu u mill-gwerer kulturali u tal-identità.

L-irtirar tal-Istati Uniti mill-Ewropa
It-tielet fenomenu mhux sewwasew avveniment, imma żvilupp. Qegħdin naraw, ma’ kull jum li jgħaddi, l-irtirar tal-Istati Uniti mill-Ewropa. Dan mhux fenomenu marbut mal-President Amerikan t’issa Donald Trump, imma fenomenu li kien ilu jinħema.
Trump sempliċement qed jagħtih spinta, ukoll bl-użu ta’ lingwaġġ bellikuż u goff li m’aħniex imdorrijin bih ġej minn fomm il-politiċi, mentri qabel kollox kien miexi b’pass ta’ nemla u b’lingwaġġ aktar bellusi, melliesi, u diplomatiku.
L-2025 kompliet rat lill-Istati Uniti titlef il-paċenzja mal-Ewropej, u tissokta tnaqqas il-piż finanzjarju tad-difiża tal-Ewropa fuq it-taxpayer Amerikan. Aktar u aktar għax, meta tagħsar kollox, l-Unjoni Ewropea, b’differenza minn ċerti Stati Membri fi ħdanha, ma tiswa xejn fuq il-livell internazzjonali. L-UE hi ħolqien tal-Istati Uniti – kienu l-Istati Uniti li riedu u mbuttaw biex l-Ewropej tal-Punent jingħaqdu bejniethom bit-tir li, kif qal l-ewwel Segretarju Ġenerali tan-NATO, Lord Hastings Ismay, “ir-Russi jinżammu barra, l-Amerikani ġewwa, u l-Ġermaniżi minn taħt”. Meta ntqal dak il-kliem, mhux ir-Russja sewwasew kien hemm, imma l-Unjoni Sovjetka.
Dakinhar, l-Ewropej kellhom għan komuni mal-Amerikani: li l-Unjoni Sovjetka (li invadiet il-Polonja fl-1939, l-istati Baltiċi fl-1940, il-Fillandja fl-1939-40, ir-Rumanija, l-Ungerija fl-1956, u ċ-Ċekoslovakkja fl-1968) titrażżan wara l-Purtiera tal-Ħadid.

Il-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid
Mal-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fl-1989, id-dinamika fl-Ewropa nbidlet. L-istati li qabel kienu jgħixu fid-dell tal-Unjoni Sovjetka, u fil-biża’ mill-Ors Russu, iddaħħlu fl-Unjoni Ewropea fl-2004, u l-Istati Uniti bdew jitilfu l-interess fl-Ewropa. Issa, bl-isfida Ċiniża għall-eġemonija Amerikana fid-dinja, l-interess tal-Istati Uniti kompla majna, u s-sena 2025 ratu jmiss l-aktar punt baxx fl-istorja tal-Ewropa. Hemm bosta raġunijiet għal dan – fosthom il-kriżi ta’ identità tal-Istati Uniti nfushom, li ma humiex ċerti jridux jibqgħu jżommu l-imperu tagħhom jew iridux ikunu biss superpotenza mingħajr imperu.
Id-deklin tal-interess Amerikan fl-Ewropa u d-difiża tagħha, qed iwassal biex l-Ewropej bdew jippjanaw matul l-2025 ħalli jkabbru l-infiq fil-militar. Il-proġett għammduh, ReArm Europe, u tnieda f’Marzu ta’ dis-sena. Imma hu proġett li sab oppożizzjoni minn ċerti wħud – l-aktar minn ċerti Taljani – u hu msejjes sa ċertu punt fuq il-ħolm.
Għax iż-żgħażagħ Ewropej ma jridux imutu għal pajjiżhom, imrobbijin kif inhuma f’familji mkissrin, f’ambjent fejn il-jedd tal-abort u għall-ewtanasja jagħti l-messaġġ li l-ħajja umana ma tiswa xejn (jew ftit), u fi klima kulturali mniġġes mid-depressjoni u l-ansjetà b’jasar bla fidwa għall-mobile phones.

Depressjoni f’livelli ġodda
F’Settembru ta’ dis-sena, l-Euronews irrapporta li d-depressjoni u l-ansjetà fost l-istudenti tal-UE laħqu livelli ġodda – ogħla minn qatt qabel, avolja s-social media ma humiex l-uniku kaġun ta’ dan.
Sadattant, l-aktar fl-Ewropa tal-Punent, ir-rieda taż-żgħażagħ li jaqbdu l-armi biex imorru għall-gwerra hi dgħajfa ħafna.
Dis-sena, f’Ġunju, Franza ħabbret pjan biex ikunu pprojbiti s-social media għat-tfal taħt il-ħmistax-il sena, u Spanja ngħaqdet ma’ Franza biex jippruvaw jwebblu lill-UE timponi projbizzjoni fil-blokk kollu. Sadattant – u din hi aħbar tajba – minkejja l-Brexit, dis-sena tħabbar li se jerġgħu jibdew l-iskambji fil-programm Erasmus bejn l-UE u r-Renju Unit. Dil-aħbar hi tajba ħafna billi fir-RU hemm universitajiet li jiġu fost tal-ewwel fl-Ewropa u fid-dinja (Oxford, Cambridge, Edinburgh, UCL, u oħrajn).

Nicolas Sarkozy
F’Ottubru ta’ dis-sena, Nicolas Sarkozy, li kien President ta’ Franza bejn l-2007 u l-2012, kien ikkundannat ħames snin ħabs fuq imġiba politika illegali u korruzzjoni.
Federica Mogherini, li dâri kienet il-kap tad-diplomazija tal-UE, ġiet arrestata u interrogata aktar kmieni, f’dax-xahar ta’ Diċembru, fuq korruzzjoni. In-naħa l-oħra tad-dinja, fil-Bolivja, pajjiż Latino-Amerikan, ġie arrestat Luis Arce, li kien President tal-pajjiż, fuq korruzzjoni, xahar wara li l-President il-ġdid, il-konservattiv Rodrigo Paz ġab fi tmiemhom għoxrin sena ta’ ħakma Soċjalista.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 4 ta’  Jannar, 2026.