Opinjoni

Opinjoni: Nixtieq…

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Il-ġimgħa li għaddiet ktibt artiklu intitolat ‘Xewqat ta’ Tama’, u enfasizzajt l-importanza li nżommu t-tama bħala l-boxxla morali tagħna f’kull diffikultà. Esprimejt diversi punti li lkoll jeħtiġilhom it-tama, u ma hemm xejn negattiv fl-aspett li t-tama tista’ tagħtina aspirazzjonijet ġodda.
L-idea tal-artiklu tal-lum, hija wkoll donnha ispirata mill-kitba preċedenti, u għalhekk xtaqt nelenka dak li nixtieq nara aħjar fl-2026, anki jekk ħafna minn din il-‘wish-list’ hija xi ftit jew wisq diffiċli biex nilħquha bħala pajjiż. Però, irridu nittamaw li nistgħu nilħqu kull tragward li jagħmilna soċjetà aħjar – aktar milli pajjiż aħjar. Dejjem nagħmel din id-differenza (li forsi għal ħafna ma tagħmilx wisq sens): is-soċjetà mhix il-pajjiż iżda s-soċjetà tifforma pajjiż, mela l-pajjiż huwa l-prodott tas-soċjetà. Jiġifieri, soċjetà nieqsa mill-elementi l-aktar bażiċi tirriżulta f’pajjiż fqir. Hawnhekk, meta nirreferi għall-faqar inkun qiegħed nitkellem dwar il-faqar metaforiku – mhux finanzjarju – u nemmen li Malta hija pajjiż fqir għaliex is-soċjetà tagħna għandha diversi nuqqasijiet li mhux dejjem nindirizzawhom.
Matul dawn l-aħħar snin stajna ninnotaw kif il-midja soċjali litterament invadiet il-ħajja privata tagħna l-Maltin, u minkejja l-vantaġġi tagħha, l-iżvantaġġi qegħdin iħallu l-impatt tagħhom ukoll. Il-midja soċjali rikbitna, u sirna biss nirrispondu għall-ħteġijiet tas-soċjetà li jimponu fuqna l-ideal li nesponu ruħna kontinwament. Sfortunatament, inħoss sens qawwi u kontinwu ta’ negattività fuq il-midja soċjali – il-politika partiġġjana litteralment iffiltrat fid-dinja tal-Facebook lokali u qiegħda tagħmel ħafna ħsara. Naqblu li llum Facebook spiċċa b’invażjoni ta’ profili foloz – dawk li nsejħulhom Facebook Warriors – li ma għandhom ebda sens ta’ responsabbiltà fil-mod ta’ kif iġibu ruħhom. Bosta kummenti fuq paġni popolari bħal ‘Are You Being Served’ jinkitbu minn membri anonimi u allura kulħadd sar komdu jgħid li jrid, jattakka lil min irid, ikisser lil min irid u l-bqija għax ma għandux sens ta’ responsabbiltà lejn l-azzjonijiet online tiegħu jew tagħha. Din il-problema li qiegħda tnawwar lis-soċjetà qegħdin narawha tinbidel f’epidemija perikoluża li tassew hija inkwetanti. Għalhekk, fl-2026, nixtieq nara midja soċjali aktar armonjuża u responsabbli. Il-pjattaformi diġitali għandhom ikunu spazju ta’ diskussjoni sana u ta’ rispett, mhux arena ta’ mibegħda, attakki personali u polarizzazzjoni bla bżonn.
Aktar edukazzjoni dwar l-użu kritiku tal-midja, aktar sens ta’ responsabbilità individwali u anqas tixrid ta’ informazzjoni falza jistgħu jgħinu biex nibnu kultura online li tgħaqqad lin-nies flok tifridhom, u li tħeġġeġ djalogu miftuħ u matur.
Aspett ieħor importanti għalija u naħseb għal kulħadd huwa dak marbut mal-ispazju li ngħixu fih. Irrid nara aktar indafa u ambjent aktar ħieles, b’anqas bini bla rażan. Din ilha tingħad, imma qajla nieħdu azzjoni fuqha. Malta għandha spazju limitat u għalhekk għandna bżonn nirrispettawh aktar. Fl-2026 nixtieq nara pjanar sostenibbli, aktar spazji ħodor – ta’ veri u mhux biex nidħku bin-nies! – u infurzar serju kontra l-abbuż ambjentali. L-indafa fit-toroq, fil-bajjiet u fl-irħula ma għandhomx ikunu lussu, imma għandhom jibdew jitqiesu bħala dritt bażiku li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa mentali ta’ kulħadd. Aktar rispett lejn in-nies fi djarhom ifisser ukoll anqas storbju u ġenn fit-toroq li ngħixu fihom – estensjoni tad-djar tagħna. Il-ħajja moderna diġà hija mgħaġġla u storbjuża biżżejjed u d-dar għandha tkun post ta’ mistrieħ.
Fl-2026 nixtieq nara regolamenti aktar stretti u infurzar effettiv kontra storbju eċċessiv, traffiku aggressiv u abbużi li jfixklu l-paċi ta’ kuljum, speċjalment fiż-żoni residenzjali. Fl-istess waqt, dan iġibni għall-argument l-ieħor, dak relatat mal-identità tagħna – li għandha rabta indiretta ma’ kif inġibu ruħna fil-lokalitajiet tagħna.
Mela, irrid nara aktar determinazzjoni biex niġġieldu għall-identità tagħna u li hija wkoll essenzjali. Li tkun Malti mhuwiex biss passaport, imma jfisser li inti parti mill-Istorja, taf il-lingwa, tħoss il-kultura u tifhem il-valuri. Hija ħasra li għandna lokalitajiet li qegħdin jitilfu l-aspett nazzjonali għaliex għandhom overdose ta’ barranin – ngħiduha kif inhi! – bid-differenzi kollha kulturali, soċjali, tradizzjonali u reliġjużi li jġibu magħhom.
L-integrazzjoni qatt ma għandha tfisser li twassal għall-estinsjoni ta’ dak li huwa indiġenu u Malti, qatt!
Fl-2026 nixtieq nara aktar investiment fil-lingwa Maltija, fit-tradizzjonijiet, fil-kultura, fil-valuri u fl-arti lokali, kif ukoll edukazzjoni li tgħin liż-żgħażagħ jifhmu u japprezzaw dak kollu li jagħmilna uniċi fid-dinja dejjem aktar globalizzata. Dan għandu jibda billi nirrispettaw aktar l-identità tagħna u li nibqgħu nagħrfu lilna nfusna bħala Maltin.
Ejja nħarsu ’l quddiem u niftakru li kull azzjoni minn tagħna għandha dejjem ir-riperkussjonijiet li jħallu effett negattiv jew pożittiv. Li nkunu ċittadini responsabbli jfisser li nħarsu lejn pajjiżna mhux biss bħala l-post fejn ngħixu, imma bħala wirt li rridu nieħdu ħsiebu, nipproteġuh u ngħadduh aħjar lil ta’ warajna.
Minkejja li aħna liberalizzati, għandna nibqgħu nagħrfu dejjem ir-responsabbiltà lejn pajjiżna u qatt ma naħarbu minnha. Għalhekk, nagħlaq dan l-artiklu b’dawn il-kelmiet ta’ George Bernard Shaw: “Liberty means responsibility. That is why most men dread it.”

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 7 ta’  Jannar, 2026.