Raġel ta’ 50 sena residenti l-Gżira ġie kkundannat għal ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin, flimkien ma’ ordni ta’ trażżin u trattament obbligatorju, wara li ammetta akkużi relatati ma’ vjolenza domestika, theddid u inġurji kontra martu.
Il-każ seħħ fil-lejl tal-Milied li għadda f’dar fil-Gżira, fejn l-imputat kien akkużat li kkaġunalha biża’ serja ta’ vjolenza, heddidha permezz ta’ mezzi elettroniċi u insulentaha. Fil-Qorti tal-Maġistrati, quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, l-imputat ammetta l-imputazzjonijiet kollha u kkonferma l-ammissjoni tiegħu anke wara li ngħata ċans jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu.
Il-Qorti nnutat in-natura tar-reati, iċ-ċirkostanzi li seħħew fihom, l-ammissjoni bikrija u l-fedina penali tal-imputat. Il-Prosekuzzjoni rrimarkat li l-imputat għandu bżonn għajnuna minħabba l-problemi relatati mal-alkoħol u qablet li piena ta’ natura riformattiva tkun xierqa. Id-difiża u l-parti ċivili żammew fuq l-istess linja.
Il-Qorti għalhekk ordnat probation ta’ tliet snin taħt kundizzjonijiet speċifiċi, multa ta’ €250 pagabbli bil-mod, ordni ta’ trażżin favur il-mara tiegħu u ordni ta’ trattament sabiex l-imputat jirċievi għajnuna professjonali. Fil-qorti ngħatat spjegazzjoni lill-imputat dwar il-konsegwenzi jekk jikser dawn l-ordnijiet jew jikkommetti reati oħra fi żmien il-probation.
Il-Qorti ordnat ukoll il-projbizzjoni tal-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-partijiet involuti sabiex tiġi protetta l-identità tat-tfal.
Il-Maġistrat ċaħad it-talba sabiex l-imputat iħallas l-ispejjeż tal-esperti billi ma ġiet ippreżentata l-ebda prova f’dan is-sens.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi.
//= $special ?>
