Raġel li kien mixli li ġiegħel lill-annimali tiegħu jsofru uġigħ u dwejjaq, li naqas milli jipprovdi t-trattament xieraq għalihom u li ma żammhomx f’kundizzjonijiet adegwati, ma nstabx ħati mill-Qorti. Huwa kien akkużat ukoll li żamm kelba f’gaġġa żgħira u li rabat kelb ieħor.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima. Xehdu membri tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali li spjegaw kif fi Frar tal-2022 irċivew rapport dwar kelb li kien qed jinżamm marbut barra garaxx fil-Mellieħa.
Meta marru fuq il-post sabu lill-kelb marbut iżda b’ikel u ilma. Waqt il-konversazzjoni mar-raġel semgħu kelba oħra tinbaħ u sabuha f’gaġġa żgħira, għalkemm kellha l-ilma. Intqal lir-raġel li dik il-gaġġa kienet żgħira wisq u li ma setax iżommha hemm.
Meta r-rappreżentanti tad-Direttorat reġgħu marru, sabu li l-gaġġa kienet inkabret u li l-kelb l-ieħor ma kienx għadu hemm għax l-imputat tah lit-tifel tiegħu. Intqal ukoll li l-imputat għamel dak kollu li mitluba jagħmel mill-awtoritajiet. Ġar tal-imputat xehed li qatt ma ra lill-annimali jiġu trattati ħażin u li dejjem kienu miżmuma nodfa u f’kundizzjoni tajba.
L-imputat qal li l-gaġġa kienet tintuża prinċipalment biex il-kelba torqod, filwaqt li l-bqija tal-ħin kienet tiġi mlibbsa liberta’. Spjega wkoll li kien jorbot lill-kelb l-ieħor għax inkella kien jaħrab, iżda fil-garaxx kien iħallih liberu.
Il-Qorti osservat li mix-xhieda kollha rriżulta li l-annimali kienu f’kundizzjoni tajba u mhux vittmi ta’ moħqrija. Barra minn hekk, innotat li l-indirizz eżatt fejn seħħ l-allegat reat ma kienx indikant fl-att tal-akkuża. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Maġistrat Astrid May Grima qalet li l-akkużi ma ġewx ipprovati u għalhekk illiberat lill-imputat mill-akkużi kollha.
//= $special ?>

