Raġel ta’ 38 sena minn Birżebbuġa ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordni ta’ superviżjoni għal sentejn wara li ammetta li wettaq vjolenza ripetuta fiżika u psikoloġika fuq ommu anzjana, kif ukoll li sfurzaha u ppersegwitha b’mod li kkawżalha tbatija u offiża serja.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, u nġibed l-attenzjoni li l-allegat abbuż dam għaddej għal tul ta’ żmien qabel l-aħħar incident irrappurtat fis-6 ta’ Jannar 2026 għall-ħabta tas-2:40pm, fi Triq il-Kurat Fenech, Birżebbuġa.
Il-Pulizija, taħt it-tmexxija tal-Ispettur Christian Cauchi, akkużaw lir-raġel li, bħala membru tal-familja li jgħix mal-vittma, uża vjolenza morali u psikoloġika biex iġiegħel lil ommu tagħmel jew tonqos milli tagħmel ċerti affarijiet, u li permezz ta’ dawn l-atti naqqas l-abbiltajiet tagħha u żammha f’pożizzjoni ta’ dipendenza u iżolament.
Allegatament il-vjolenza kienet waħda ripetuta u kkawżatilha offiża gravi, kemm fiżika kif ukoll emozzjonali. Huwa ammetta wkoll li ġieb ruħu b’mod li kkaġuna fastidju serju lil ommu, li b’għemilu kkawżalha sens ta’ biża’ u intimidazzjoni, aggravati minħabba li l-vittma hija membru tal-familja u taħt id-dipendenza tiegħu.
Barra minn hekk huwa ammetta li wettaq dan ir-reat, meta kien jaf li ommu kienet anzjana u dipendenti, xjentement ippermetta jew ġegħilha ssofri tbatija mhux ġustifikata u poġġieha f’sitwazzjoni ta’ riskju fuq saħħitha u s-sigurtà tagħha, waqt li kienet taħt il-kura u l-kustodja tiegħu.
Minħabba ċ-ċirkustanzi serji u n-natura vulnerabbli tal-vittma, il-Prosekuzzjoni talbet ukoll lill-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni l-vittma liema talba kienet milqugħa. L-Avukat tiegħu Yanika Bugeja qalet lill-Qorti li l-akkużat ilu jabbuża mid-droga sa minn mindu kellu 12-il sena.
Il-Maġistrat Frendo Dimech wissietu biex joqgħod attent u meta qalilha li fil-preżent mhux jaħdem u li ftit ilu kien jaħdem ma’ tal-funerali, hi qaltlu li jekk ma joqgħodx attent se jispiċċa jsir il-funeral tiegħu.
L-Avukat Victor Bugeja deher bħala parte civile fil-każ.
//= $special ?>

