Lokali

“Wassalt il-messaġġ tiegħi lill-Gvern” – Glenn Bedingfield dwar il-binja fil-Birgu

Glenn Bedingfield qed jinsisti li hu wassal il-messaġġ tiegħu fejn kellu jgħidu fi ħdan il-Gvern b’rabta mal-inċident li seħħ fil-Birgu fl-għodwa ta’ lejlet l-ewwel tas-sena – inċident li potenzjalment seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar; riskju ta’ diżgrazzja li kemm il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru responsabbli Roderick Galdes kienu ilhom konxji minnu għal xhur sħaħ.

Fl-aħħar jiem, is-Sindku Laburista John Boxall żvela li hu stess kien bagħat numru ta’ emails indirizzati lil Galdes kif ukoll lill-Prim Ministru Robert Abela dwar din il-binja li taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Housing. Madanakollu dawn it-twissijiet waqgħu fuq widnejn torox… sal-punt li parti mill-faċċata ċediet għalkollox – bħalma jixhdu l-filmati li xandar Net News.

Tul il-jum tat-Tlieta, il-Ministru Galdes qalilna li din il-binja ilha responsabbiltà tiegħu tal-inqas 4 snin.

U insista li kulma waqgħet kienet l-apramorta, kaġun tal-maltemp.

Dan filwaqt li d-Deputat Laburista Glenn Bedingfiled qalilna li rridu nħarsu ‘l quddiem – għaliex diżgrazzji jsiru dejjem. 

Filwaqt li Galdes ma jidhirx li jrid jerfa’ responsabbiltà tal-fatt li injora għalkollox l-appelli tas-Sindku Laburista, Glenn Bedingfield ma jemminx li sieħbu għandu jġorr xi tip ta’ responsabbiltà – iżda jifhem lil Boxall li qed jiġġieled għar-residenti.

Intant, diversi membri tal-Kabinett lanqas qed iħossu l-ħtieġa li jiddefendu lill-Ministru Roderick Galdes; wisq inqas lir-residenti tal-Birgu.