Żewġ nisa Venezwelani li ħadmu għal ftit tal-jiem f’burdell f’San Ġiljan qabel ma nħakem minn rejd tal-Pulizija, irrakkontaw fil-qorti l-kundizzjonijiet li allegatament kienu qed jgħixu fihom. Iż-żewġ nisa huma meqjusa bħala vittmi potenzjali ta’ traffikar tal-bnedmin fil-proċess kriminali kontra tliet nisa.
Janice Jasbeth Ramirez Cummings ta’ 31 sena mill-Panama, u ż-żewġ Kolombjani Karen Dayanna Pineda Caicedo ta’ 28 sena u Silvia Juliana Jinete Vega ta’ 31 sena – li qed jiffaċċjaw akkużi serji fosthom traffikar, li jgħixu mill-qligħ tal-prostituzzjoni, li jmexxu bordell u ħasil ta’ flus. Huma qed iwieġbu mhux ħatja.
In-nisa qalu li kienu qegħdin Amsterdam meta l-ispazju tal-ajru ngħalaq u ma setgħux jirritornaw pajjiżhom. Minħabba n-nuqqas ta’ flus, ħabib issuġġerielhom li jiġu Malta biex jaħdmu fil-prostituzzjoni. Huma sostnew li qabel ħallsu l-ajruplan ma ngħatawx dettalji dwar kif kien se jkun ix-xogħol, u saħansitra staqsew b’mod ċar jekk kinux se jaħdmu f’burdell. Ingħataw assigurazzjoni li mhux.
Malli waslu Malta fit-9 ta’ Diċembru, ġew imdaħħla f’appartament f’San Ġiljan fejn, skont ix-xhieda tagħhom, Silvia Jinete Vega, deskritta bħala “mummy”, spjegat ir-regoli tad-dar: kienu jitħallsu kull nhar ta’ Tnejn, il-flus tal-klijenti kienu jgħaddu mingħand il-“mummies”, u l-qligħ kien jinqasam 50:50. Barra minn hekk kellhom iħallsu għall-cleaner u jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, dejjem imlibbsa bil-lingerie u bil-make-up lesti għal klijent.
Kien hemm ukoll multa ta’ €200 jekk xtaqu jitilqu mill-appartament, filwaqt li kienu sfurzati joħorġu mill-kamra meta sħabhom kellhom klijenti. F’ċertu każijiet kienu jakkumpanjahom ukoll “securities” meta joħorġu għal laqgħat barra.
Waħda min-nisa rrakkuntat li kellha torqod flimkien ma’ żewġ nisa oħra fuq sodda doppja u li f’ġurnata waħda kellha tliet klijenti. Qalet ukoll li kienet mistennija tirċievi madwar €3,000 għall-ftit jiem li ħadmet, iżda qatt ma rat flus.
F’okkażjoni oħra, klijent ried jibqa’ magħha għal madwar 10 sa 12-il siegħa, u saħaq li ma kienx ġust li nofshom biss imur għand min kien qed imexxi l-post filwaqt li hi kienet qed taħdem f’kundizzjonijiet imħassra u torqod f’sodda ma’ żewġ nisa oħra.
Minkejja l-offerta tiegħu biex jgħinha taħrab jew tmur tgħix miegħu, il-mara qalet li beżgħet li jiġu rrappurtati lill-“boss” u li jkollha problemi. Kienet qed tippjana tistenna l-ħlas, tħallas il-multa u titlaq. Xhieda emozzjonanti ħarġet ukoll dwar id-diffikultajiet finanzjarji u emozzjonali tal-mara.
Qalet li waslet b’€1,290 u xtaqet tibgħat xi flus lill-familja tagħha iżda ma rnexxilhiex. Viżibbilment emozzjonata hija spjegat li kienet imġiegħla tidħol fil-prostituzzjoni minħabba s-sitwazzjoni kritika fil-Venezwela u li kieku l-familja tagħha ssir taf, “jaqtgħu kull relazzjoni” magħha.
Dan kollu ħareġ meta kompla jinstema’ b’mod estensiv il-każ kontra tliet nisa. Huma jinsabu mixlija b’akkużi gravi fosthom traffikar ta’ nisa għall-prostituzzjoni, li għexu mid-dħul tal-prostituzzjoni, li ħaddmu burdell u akkużi relatati ma’ ħasil ta’ flus.
L-ewwel allegata vittma li xehdet qalet li wkoll waslet Malta fid-9 ta’ Diċembru li għadda wara li kienet waslet Amsterdam u kienet ukoll fi Praga u d-Danimarka. Qalet li oriġinarjament hija mill-Venezwela u kien sar kuntatt magħha biex tiġi Malta għal xogħol fil-prostituzzjoni. Ġurnata qabel il-vjaġġ, ingħatat indirizz fejn kellha tmur, iżda kienet assigurata li ma kinitx se taħdem f’burdell.
Ladarba waslet Malta, qabdet taxi u marret fid-dar fejn għexu diversi nisa oħra. Hemmhekk iltaqgħet ma’ mara jisimha “Juiliana”, (waħda mill-akkużati) li prattikament kienet tirregola l-operat kollu tad-dar. Ix-xhud spjegat kif kienu jeżistu regoli stretti ħafna dwar ħinijiet, dispożizzjoni għall-klijenti, kif kellhom jidħlu liebsa – bi ħwejjeġ ta’ taħt u takkuna għolja – u li kienu meħtieġa jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum. Kien hemm ukoll sistema ta’ “multi” jekk xi waħda minnhom ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew ma tkunx lesta fil-ħin.
Ix-xhud irrakkuntat kif kienu jwiegħduhom tliet sigħat ta’ ħin liberu kuljum, iżda fil-prattika dan kien kważi impossibbli. Saħqet li kienu dejjem taħt kontroll u kuntatt kontinwu mal-persuni li kienu jmexxu d-dar. Semmiet ukoll lil Karen bħala waħda mill-persuni li kienet tagħti ordnijiet u tirranġa klijenti.
Il-Qorti semgħet kif in-nisa kienu jissejħu “mummies”, jaħdmu f’ħinijiet differenti u kienu jorganizzaw kollox – mill-arranġamenti mal-klijenti sal-ħlas tat-taxis għal klijenti li ma ridux jiġu fid-dar. Ix-xhud spjegat kif meta ma kinitx tikkonforma mas-sistema imposta kienet tkun mhedda b’konsegwenzi u multi.
F’okkażjoni waħda kienet anke mqajma fis-6 ta’ filgħodu biex tipparteċipa f’sort ta’ “defilé” quddiem il-klijent sabiex jagħżel lil min irid. Hi rrifjutat għax kienet għajjiena, iżda kienet wissitha li jekk terġa’ tagħmel hekk kien ikollha konsegwenzi serji.
Ix-xhud iddeskriviet kundizzjonijiet li kienu “terribbli”, b’obbligu li jkunu dejjem bil-‘make-up’, liebsa sexy, u l-ħin kollu lesti għall-klijenti u l-privatezza prattikament ma teżistiex. Qalet li matul jumejn li damet fid-dar tal-burdell kellha ħames klijenti li suppost kellhom idaħħlulha madwar elf ewro, iżda fl-aħħar mill-aħħar hi ma rċeviet xejn, għax il-flus kien jiġborhom xi ħadd mill-akkużati li mbagħad suppost jinqasmu 50/50 aktar tard.
Semmiet ukoll episodju fejn kienet mibgħuta f’dar ta’ klijent mingħajr verifika ta’ sigurtà, fejn kellha tistenna għal ħafna ħin waħidha u beżgħet għas-sigurtà tagħha. Minkejja li kienet qed tibża’, ġiet ordnata tibqa’ hemm sakemm il-klijent jasal.
Ix-xhud insistiet li qatt ma għarrfuha dwar dawn il-kundizzjonijiet meta kienet qed tikkuntattja persuni relatati max-xogħol qabel ġiet Malta u li ħafna minnhom kienu jagħmlu pressjoni u anke theddid biex tibqa’ taħdem. Fid-dar kienu jgħixu seba’ nisa oħra, kollha involuti fil-prostituzzjoni, bi ftit jew xejn libertà personali.
Ix-xhud qalet li meta waslet Malta fl-ewwel ġurnata kienu fehmuha kif se jsiru l-affarijiet u ma qablitx fuq dan. Fil-mobile li għandhom il-Pulizija, hemm l-informazzjoni kollha. Tenniet li kienet qabdet taxi u waslet fil-post u ltaqgħet ma’ Juliana.
Regoli fuq ħruġ
Saħqet li kien hemm regoli fuq il-ħinijiet kif kellhom jaħdmu u meta jistgħu joħorġu. Ukoll kif kellhom jidhru għal klijenti biex joqogħdu bil-ħwejjeġ ta’ taħt u b’takkuna għolja u li jkunu available 24 siegħa. “U li kienu se javżawna meta jiġu l-klijenti. Kien hemm multi jekk ma noqogħdux mar-regoli.
“Kellna nkunu lesti fil-ħin li jgħidulna huma. Nieklu f’nofsinhar jew fis-1pm. Qalet li dawn l-ordnijiet kollha kienet tagħtihom Juliana, l-iktar. Kienu jwegħduna li jkollna tliet sigħat free time imma kont mort supermarket u kwarta wara bagħtuli messaġġ biex nirritorna lura”, qalet ix-xhud.
Kompliet tgħid li kulma għamlet kien biss jumejn fid-dar. Dejjem kienu jkunu f’kuntatt bil-mobajl u dejjem kważi ma’ Juliana kienet titkellem hi. Kienu jissejħu mummy’s u jaħdmu ħinijiet difeferenti dawk li kienu jagħtu l-ordnijiet, u jieħdu l-flus mingħand il-klijent u kienu jorganzzaw ukoll meta l-klijent ma kienx ikun irid imur id-dar u jingħata s-servizz xi mkien ieħor. Kien ikun il-klijent li jħallas għat-taxi meta dan jiġri.
Kompliet tgħid li l-ewwel ġurnata li kienet id-dar kienet imqajma għal ħafna ħin u fis-6am iddeċidiet li tmur torqod, imma kien wasal klijent. Kien hemm konsegwenzi u Juliana qaltilha li tista’ teħel multa wara li l-klijent telaq u l-akkużata Juliana għamlet in-nervi.
Peress li kienet l-ewwel darba ħafritilha. Kompliet tgħid li kien hemm tliet kmamar tas-sodda fid-dar. Kollha kienu ‘double bed’. Qalet li jekk ikun hemm ix-xogħol għal xi l-oħrajn, tal-kamra kellhom joħorġu minn hemm minħabba l-klijent.
Ġieli kienet tkun rieqda u jqajmu għax is-sodda tkun se tintuża għall-klijent. Lilha ġratilha darbtejn. Normalement klijenti kienu jmorru wara nofsillejl jew kmieni filgħodu għall-ħabta tas-6am. Qalet li kellha ħames klijenti f’dawk il-jumejn li għamlet u suppost daħħlet elf ewro li baqgħet ma ħadet xejn.
Kienu jieħdu l-flus l-akkużati li suppost iħallsu lill-vittmi darba fil-ġimgħa. Meta tnejn minn nisa jkollhom joħorġu mis-sodda peress li l-oħra kien ikollha klijent kienu jmorru fil-kċina. U s-sodda kienet tibqa’ l-istess u hi tbiddel il-lożor.
Kompliet tgħid li kien hemm b’kollox seba’ tfajliet meta waslet fid-dar li kienu joffru servizz sesswali. Waħda mit-tfajliet ma kenitx tgħix magħhom u kienet tmur biss f’ċertu ħinijiet. Kien hemm min kien ilu 20 jum jaħdem hemm.
Meta kienet Amsterdam qalet li meta għamlet il-kuntatt fuq ix-xogħol f’Malta, qatt ma qalulhom fuq il-kundizzjonijiet terribbli li kienu se jiffaċċjaw. Meta spjegatilha Juliana, il-kundizzjonijiet hi ma qablitx u qaltilha li se teħel multa ta’ €200. Il-vjaġġ minn Amseterdam hi ħalsitu. Qalet li l-kuntatt ġie mgħoddi lilha minn waħda li hija mill-Kolumbja, waqt li din kienet qed titkellem ma’ raġel ieħor li ta kuntatt ieħor għaliha.
Mġiegħla jiżfnu quddiem il-klijenti
Hi kienet staqsiet lil dan ir-raġel li ma tafx x’jismu li qalilha li dan ma kienx burdell. Qalet li fid-dar kienu joħorġu t-tfajliet biex jiżfnu quddiem il-klijenti biex il-klijent imbagħad jagħżel. Hi kellha tagħmel hekk minkejja li ma qablitx. Meta ma riditx tagħmilha, Juliana bdiet theddida.
Qaltilha li se jkun hemm il-konsegwenzi imma ma qaltilhiex x’kienu dawn. Qalet li din il-ħaġa għamlitha darba biss kif waslet fis-6am u kienu qed jagħmluha t-tfajliet kollha. Kienet rieqda u qalulha biex tagħmel din l-isfilata.
Tenniet li kienet bil-piġama imma qalulha biex tbiddel għal fuq ta’ taħt jew biex tilbes xi ħaġa sexy. Qalet li ma kinitx raqdet lejl sħiħ għax il-ħin kollu kienu qed iqajmuha. Kien hemm tfajla oħra dak il-ħin li kienet rieqda u ġralha l-istess u kienet bin-nervi wara li qajmuha.
F’dak il-każ il-klijent kien għażel lili imma ma riditx għax kienet għajjiena u hawn qalulha li jekk terġa’ tagħmilha kienet se tbati l-konsegwenzi. Dwar ritratti fuq website li kienu jimmaniġġjaw l-akkużati, kienet bagħtithom hi.
Qalet li suppost li l-flus kienu jinqassmu u li suppost ħadet elf ewro. Kienet tixtri kontraċċettivi ta’ kwalità aħjar biex tkun safe u mhux dawk li kienu jgħaddulha l-akkużati. Xi ħadd mill-akkużati kien jispjega lill-klijent x’servizzi jrid, u kienu jirranġaw miegħu.
Meta kienu jikkorrispondu mat-tfajliet fuq xi extras on line, kienu jiddeċiedu t-tfajliet. Ħadd ma kien obbligat li jagħmelu extras. Fit-tieni ġurnata li kienet hemm kellha toħroġ tiltaqa’ ma’ klijent ma kinux jivvettjaw jekk dan kienx klijent safe u affiddabbli u kellha tmur xorta waħda f’dar.
Kien hemm raġel li kellha tistenna ftit. Dak il-ħin kienet ma’ Karen fuq il-mobile u qaltlilha biex tistennih u hi wieġbet li kienet se titlaq jekk ma jasalx sa ħames minuti għax kienet qed tibża’. Qalet li kienet damet f’din ir-residenza għal xi sagħtejn. Huwa ħallas bi transfer u ma ħadet l-ebda flus.
Mill-ħames klijenti li kellha kienu tlieta li ħallsu bi flus kontanti u kollha fid-dar. Meta jidħol il-klijent fil-kamra int tistaqsih għal ħlas u kien ikun hemm waħda barra l-kamra tas-sodda u tieħu l-flus. “Aħna qatt ma mmissu l-flus.” Kienet tmur hi tagħti l-flus lil dik li tkun barra l-kamra. Qalet li ġieli ħadmet fi kmamar ta’ tfajliet oħra għax hekk kienu jgħidulha.
Tenniet li meta jidħol il-klijent fil-kamra hi tistaqsih għal ħlas u kien ikun hemm waħda barra l-kamra tas-sodda u tieħu l-flus. “Aħna qatt ma mmissu l-flus,” hija qalet. Kienet tmur hi tagħti l-flus lil dik li tkun barra l-kamra.
Qalet li ġieli ħadmet fi kmamar ta’ tfajliet oħra għax hekk kienu jgħidulha. Għall-irqad dejjem l-istess tfajliet kienu jorqdu flimkien imma fil-ħin tax-xogħol kienu jinbidlu. Ir-roommates tagħha kienet taf x’isimhom, li ma jistax jissemma’ bħal tagħha fuq ordni tal-Qorti. Ma tafx x’isimha tal-Panama għax hekk kienu jsibuha fid-dar, il-mummy tal-Panama.
Waqt il-kontro-eżami x-xhud qalet li hija kienet bdiet tibża’ minn burdell għax hi ħasbet li dawn huma bħal dawk tal-Amerika Latina fejn hemmhekk huma orribbli u li huma parti kbira minn gang ta’ kriminalità. Hija beżgħet minħabba l-konnotazzjonijiet ta’ burdell li jeżistu f’pajjiżha. Qalet ukoll li meta kienet f’pajjiżha qatt ma kienet tagħmel parti minn burdell.
Meta kienet qed tiġi mistoqsija fuq kif joperaw il-briedel fl-Amerika Latina, ix-xhud għattiet wiċċha minħabba l-biża’ kif jitħaddmu f’dawn il-pajjiżi. Il-perċezzjoni tal-briedel f’Malta hija ferm differenti minn dik ta’ pajjiżha, hija qalet. Qalet li qatt ma kellha klijenti f’Malta u ma kellhiex post ta’ residenza f’Malta u li hi qatt ma għamlet kuntatt ma’ klijenti hi direttament.
Hija qablet mal-asserzjoni tal-Avukat Mercieca li hi ġiet Malta biex tagħmel xogħol ta’ prostituzzjoni u li hi kellha rasha mistrieħ li se jkollha dar fejn toqgħod. Qalet ukoll li matul il-ġurnata verament ftit li xejn kien ikun hemm xogħol, imma kienet tkun ‘on standby’.
Dwar il-klijent minn ġewwa l-kamra tagħha stess kienet irrufjutat għax ma riditx tmur miegħu, u spiċċat ma marritx xorta waħda bdew jippressawha u bdew iħabbtulha mal-bieb biex tmur miegħu. Imma ammettiet li tagħha għaddiet. U huwa minnu li l-ħabiba tagħha qaltilha – “dawn ma jistgħux jobbligawk.”
Qalet ukoll li meta ġiet Malta kellha xi dollari li ġabet magħha mill-Veneżwela, li kellha l-passaport u li ħadd ma talabulha jew ħadulha. Hija qalet li l-flus li ġabet magħha biex ikollha biex titlaq lejn pajjiżha. Fuq mistoqsija oħra tal-Avukat Mercieca hija kkonfermat li kien persuni tas-sigurtà fuq il-post minħabba l-klijenti li kienu jmorru. Qalet li meta kienet toħroġ kienet ikollha tinforma lill-akkużati.
Wara l-Avukat Franco Debono staqsa lix-xhud jekk il-bieb tad-dar kienx ikun imsakkar, hija wieġbet fin-negattiv. Fuq jekk riditx tmur lura lejn pajjiża magħmula mill-Avukat Mercieca, hija qalet li iva issa tixtieq tmur lura.
Madankollu fl-istqarrija li kienet tat lill-Pulizija hija qalet li ma xtaqitx tmur lura l-Veneżwala bl-avukat Mercieca jippreżenta CD tal-istqarrija lill-Qorti. Il-Qorti ordnat li l-istqarrija tinstema’ kollha fl-awla. Wara li nstemgħet is-CD, ix-xhud qalet li qatt ma ħassitha mhedda mill-Pulizija li kienet se tiġi deportata.
Fuq mistoqsijiet tal-Avukat Herman Mula, x-xhud qalet li huwa minnu li ħarġet waħidha mid-dar imma ma setgħetx toħroġ b’xi bagalja. Hija qalet ukoll li fid-dar kienet tmur fattiga u kienu l-vittmi li jħallsuha, dan qalitulha t-tfajla li kienet torqod magħha.
Fil-bidu tas-seduta wieħed mill-Avukat tad-difiża Charles Mercieca qajjem kwistjoni importanti dwar l-affidabbiltà tax-xhieda tal-allegati vittmi. Mercieca spjega li f’dawn il-proċeduri għandu jitqies li l-allegati vittmi kienu soġġetti għal pressjoni serja minn uffiċjali investigattivi.
Skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom stess, qal l-Avukat, dawn ingħataw l-impressjoni li jekk ma jikkoperawx mal-Pulizija kienu se jiffaċċjaw konsegwenzi gravi, fosthom li jitressqu l-Qorti, jitkeċċew minn Malta, jintbagħtu lura lejn pajjiżhom, jiġu imposti fuqhom ‘Schengen ban’ ta’ bejn tliet u ħames snin, kif ukoll li jistgħu jitilfu l-permess ta’ residenza tagħhom fil-pajjiżi fejn jgħixu bħalissa.
Dr. Mercieca sostna li dan kollu kien jiddependi fuq id-diskrezzjoni tal-investigaturi, li kienu qegħdin jitolbu l-koperazzjoni tagħhom. Barra minn hekk irrimarka li dawk il-persuni li għażlu li jikkoperaw, tpoġġew flimkien minkejja li kien ċar li kienu se jixhdu, u dan skont id-difiża jista’ jaffettwa l-indipendenza u l-awtonomija tax-xhieda tagħhom.
Żied jgħid ukoll li xi wħud mill-allegati vittmi ngħataw informazzjoni li dak li fih kienu qed jipparteċipaw jikkostitwixxi r-reat ta’ traffikar ta’ persuni, u dan jista’ jkun influwenza diretta fuq dak li sejrin jgħidu fil-Qorti.
Fil-fehma tad-difiża, dawn iċ-ċirkustanzi jtellfu serjament il-volontarjetà tad-dikjarazzjonijiet li saru u jmorru kontra dak li jipprovdi l-Artikolu 658 tal-Kodiċi Kriminali, li jitkellem dwar konfessjonijiet jew stqarrijiet li għandhom isiru mingħajr pressjoni, theddid jew wegħdi ta’ vantaġġ. Għaldaqstant, Mercieca oġġezzjona biex dawn ix-xhieda jiġu ammessi fis-seduta.
L-Avukat Herman Mula qabel kompletament ma’ dan l-argument u għamel referenza wkoll għall-proċeduri standard tal-Pulizija dwar l-interrogazzjonijiet, fejn jingħad b’mod espliċitu li dawn għandhom isiru mingħajr ebda forma ta’ wegħda jew pressjoni fuq il-persuni interrogati.
Min-naħa tal-prosekuzzjoni, l-Ispettur John Spiteri insista li għandu jitqies ukoll il-kuntest u l-kronoloġija tal-investigazzjoni. Spjega li fil-bidu kien hemm suspetti li dawn in-nisa kienu qed jipparteċipaw f’attività relatata ma’ burdell flimkien mat-tliet akkużati, iżda matul l-investigazzjonijiet dan is-suspett ma baqax isostni ruħu.
Żied jgħid li dwar il-kwistjoni tas-Schengen ban, din l-informazzjoni ġiet ikkomunikata lill-allegati vittmi wara li dawn kienu diġà taw l-istqarrijiet tagħhom, u mhux qabel. L-Ispettur saħaq li tliet tfajliet kienu inizjalment suspettati li kienu joperaw ma’ dawn it-tliet akkużati, iżda s-sitwazzjoni evolviet hekk kif kompliet tinġabar aktar informazzjoni u x-xenarju investigattiv inbidel.
Il-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Etienne Savona u Charmaine Abdilla mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, bl-għajnuna tal-Ispetturi tal-Pulizija John Spiteri u Marshall Mallia.
L-avukati Herman Mula u Silvan Pulis qed jassistu lil Janice Jasbeth Ramirez Cummings u lil Silvia Juliana Jinete Vega, bi Franco Debono wkoll jidher għal din tal-aħħar. L-avukat Charles Mercieca qed jidher għal Karen Dayanna Pineda Caicedo. Min-naħa tal-allegati vittmi qed jidhru l-avukati Stephanie Caruana u Lara Dimitrijevic.
Il-każ ikompli nhar it-Tnejn 12 ta’ Jannar.
//= $special ?>

