Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

2026: Ċipru tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Mistennija enfasi aktar b’saħħitha fuq ir-realtajiet tal-Baħar Mediterran

Il-bidu tas-sena 2026 fissret li l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel sitt xhur tas-sena għaddiet f’idejn Ċipru. Din mistennija tkun Presidenza ta’ sfidi kbar, hekk kif l-Unjoni Ewropea għandha qudddiemha pressjonijiet ekonomiċi, politiċi u istituzzjonali kbar.

Minbarra r-realtajiet li ilhom jiddominaw ix-xena internazzjonali għall-aħħar snin fil-fruntieri Ewropej, fosthom is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u f’Gaza, l-attakk Amerikan fuq il-Veneżwela fil-bidu tas-sena kompla jżid mal-lista ta’ temi fuq l-aġenda Ċiprijotta.

Il-Parlament Ewropew, f’laqgħat mal-Gvern Ċiprijott, saħaq li x-xhur li ġejjin għandhom iservu biex l-UE ssaħħaħ l-awtonomija tagħha, il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà, u fuq is-simplifikazzjoni tal-oqfsa regolatorji li qed iżommu lura t-tkabbir.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ċiprijott identifika l-kompetittività, il-koeżjoni soċjali u l-ġestjoni tal-immigrazzjoni, kif ukoll ir-relazzjonijiet esterni tal-UE bħala l-pilastri ċentrali tal-Presidenza. Il-Parlament Ewropew enfasizza d-dimensjoni demokratika tal-Presidenza u esprima t-tama tiegħu li Ċipru jaħdem fil-qrib mal-kumitat parlamentari dwar proposti leġislattivi ewlenin.

Filwaqt li t-temi marbuta mal-politika barranija tal-UE se jibqgħu fuq quddiemnett tal-aġenda, is-sitwazzjoni speċifika ta’ Ċipru se twassal biex inevitabbilment terġa’ tingħata aktar attenzjoni għar-relazzjonijiet Ewropej mat-Turkija u b’mod partikolari l-qasma li teżisti f’din il-gżira. Dan hekk kif sa mill-1983 it-Tramuntana tal-gżira tinsab okkupata mill-forzi militari Torok, bl-istat jiġi rikonoxxut biss proprju mit-Turkija.

Ta’ interess għal Malta, il-Presidenza Ċiprijotta fi ħsiebha taħdem biex il-Patt għall-Meditteran, li tnieda lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, isir realtà. Dan il-Patt, iffirmat bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk tan-nofsinhar tal-Mediterran, għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi f’dan ir-reġjun, isaħħaħ l-investiment bejn l-imsieħba u jikkordina aħjar ir-rispons għall-migrazzjoni irregolari u t-traffikar ta’ bnedmin. Dawn id-diskussjonijiet mistennija jilħqu l-qofol tagħhom fit-23 ta’ April meta mistenni jseħħ Summit informali bil-preżenza tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u l-mexxejja tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

Il-komunità kummerċjali Ewropea wkoll appellat biex il-Presidenza tiffoka fuq il-kompetittività u s-simplifikazzjoni regolatorja, b’Business Europe twissi li l-kumpaniji Ewropej qed isofru spejjeż ogħla tal-enerġija, kundizzjonijiet aktar diffiċli għal finanzjament u  kompetizzjoni akbar mill-bqija tad-dinja. BusinessEurope, li tirrappreżenta miljuni ta’ kumpaniji madwar il-kontinent, appellat għal tisħiħ tas-Suq Waħdieni u t-tnaqqis tal-burokrazija, speċjalment għal negozji żgħar u medji. L-organizzazzjoni sostniet li t-tisħiħ tal-kompetittività hu essenzjali mhux biss għat-tkabbir ekonomiku iżda wkoll għas-sostenn tal-mudell soċjali Ewropew u għall-finanzjament tal-ambizzjonijiet diġitali u ambjentali.

Din se tkun it-tieni darba li Ċipru qed tieħu l-Presidenza tal-Kunsill f’idejha, bl-ewwel darba tkun fl-2012.

Dan il-kontenut huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea mill-għotijiet tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-komunikazzjoni. Il-Parlament Ewropew ma kienx involut fit-tħejjija tiegħu u, f’ebda każ, m’hu responsabbli jew marbut mal-informazzjoni u l-opinjonijiet espressi. Skont il-liġi applikabbli, l-awturi, il-persuni intervistati, u l-pubblikaturi huma responsabbli mill-kontentut. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għal danni diretti jew indiretti li jistgħu jirriżultaw mill-pubblikazzjoni ta’ dan il-kontenut.