Lokali

Annullata sentenza minħabba nuqqasijiet legali fil-verdett tal-Ewwel Qorti

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabet lil Aldo Busuttil ħati ta’ numru ta’ reati serji relatati ma’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti, użu minn dokumenti foloz, stqarrijiethom foloz u tentattiv ta’ frodi ta’ aktar minn €5,000. Il-proċess issa jirritorna lura quddiem il-Maġistrat għal deċiżjoni oħra formali u legalment korretta.

Busuttil kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fuq akkużi marbuta mal-kumpanija AME Health and Safety Services Ltd, li allegatament ressqet dokumenti foloz sabiex tikseb benefiċċji jew vantaġġi indebiti. F’Diċembru 2024 huwa kien instab ħati individwalment mill-Qorti tal-Maġistrati u ngħata sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin.

Busuttil appella mis-sentenza u sostna, fost oħrajn, li l-Ewwel Qorti qatt ma kienet ċara jekk sabitux ħati personalment jew bħala rappreżentant tal-kumpanija, li l-elementi tal-falsifikazzjoni ma kinux ġew stabbiliti kif mitlub mil-liġi, u li anke l-piena kienet eċċessiva.

Il-Qorti tal-Appell iżda ma daħlitx fil-mertu tal-provi. Minflok, osservat nuqqas serju ta’ forma legali fis-sentenza tal-Ewwel Qorti. Innotat li minkejja li l-akkużi kienu jinvolvu Artikolu 167 tal-Kodiċi Kriminali, dan ma ġiex indikat b’mod korrett fid-deċiżjoni finali.

Barra minn hekk, il-verdett kien fih kontradizzjonijiet dwar liema imputazzjonijiet eżatt l-imputat kien instab ħati tagħhom, u anke dwar imputazzjoni li l-Qorti qalet li ma ħaditx konjizzjoni tagħha iżda fl-istess ħin daħħlitha fil-verdett.

L-Imħallef Scerri Herrera qalet li, skont l-Artikolu 382 tal-Kodiċi Kriminali, kull sentenza għandha b’mod ċar tispeċifika l-fatti, il-piena u l-artikoli tal-liġi applikabbli, u nuqqas f’dan is-sens jammonta għal nullità tas-sentenza. Dan ġie kkonfermat ukoll minn ġurisprudenza preċedenti.

B’riżultat ta’ dan, il-Qorti tal-Appell annullat is-sentenza iżda ma ħassritx il-proċeduri kollha. L-atti ġew ritornati lura lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex Busuttil jitpoġġa fil-pożizzjoni li kien fiha qabel is-sentenza u tingħata sentenza ġdida skont il-liġi, biex jinżamm il-benefiċċju tad-“doppju eżami” tal-każ.