Bdejna sena ġdida, u l-ħaxix f’Ta’ Qali għadu ma spuntax.
Xahrejn ilu, l-uffiċjal Laburista Jason Micallef kien wiegħed li f’Diċembru dan il-park nazzjonali se jerġa’ jkun mimli ħaxix u li wieħed jista’ saħansitra jagħmel festin sabiex jiċċelebra.
Ironikament, Diċembru għadda, dħalna f’Jannar, u minkejja d-dulluvju ta’ xita li għamlet fl-aħħar jiem, il-ħaxix xorta waħda għadu ma telax.
Għal diversi ġimgħat, ħafna kritikaw il-fatt li dan iż-żrar u r-ramel li tpoġġa f’din iż-żona ġie jiswa’ lill-poplu Malti u Għawdxi mat-300,000 ewro – u ma ħalla l-ebda frott.
Pero Jason Micallef naqas milli jkun kontabbli u jieħu azzjoni għal din id-deċiżjoni ħażina; tant li kien spiċċa hedded lill-podcaster Trudy Kerr b’libell kriminali għaliex kritikatu għal din il-mossa taż-żrar u r-ramel f’Ta’ Qali.
Mhux hekk biss iżda nfexx jattakka anke lill-ġurnalisti fosthom lill-ġurnalista ta’ Newsbook Christine Mamo, li investigat din id-deċiżjoni tar-ramel u ż-żrar fil-picnic area.
Ta’ min wieħed ifakkar kif fl-aħħar ġimgħat, il-Ministru Chris Bonett appoġġja lil Jason Micallef u tenna li jekk il-proġett f’Ta’ Qali ma jirnexxix, ma tkunx waqgħet id-dinja – u jsir xi ħaġa oħra.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Il-poplu Malti u Għawdxi, jibqa’ jistenna u jittama li xi darba tittieħed azzjoni. U li dan is-sit jerġa’ jirritorna fl-istat oriġinali tiegħu, miżgħud bil-ħaxix u jkun jista’ jerġa’ jibda jitgawda mill-familji bħala picnic area.
//= $special ?>
