“Tliet familji biss minn 38 jaffordjaw il-proprjetà medja tal-kirjiet. Tant li anke persuni li jirċievu salarju gross ta’ €35,000 jew €40,000 fis-sena ma jistgħux jaffordjaw il-kera medjana fil-maġġoranza tal-lokalitajiet – anke saħansitra f’każ ta’ appartament one-bedroom.
Kienet din il-konklużjoni li ħarġet fl-istudju intitolat “Analysis of Affordability in the Private Rental Market in Malta” – li jikkonferma n-nuqqas ta’ affordabbiltà fis-settur tal-kiri f’Malta li qed iħalli lill-ħaddiema u l-pensjonanti taħt pressjoni finanzjarja enormi, hekk kif il-prezzijiet tal-kiri dejjem qed jogħlew u l-pagi mhux ilaħħqu mal-ispejjeż.
F’dan l-istudju li ġie ppubblikat minn ‘Solidarjeta’ – saret analiżi ta’ 38 familja, u jekk dawn jaffordjawx il-kera medjana.
L-istudju sab li t-tibdil tal-limitu tal-affordabbiltà minn 25% għal 30% tad-dħul ma jtejjibx is-sitwazzjoni. Pereżempju, persuna waħda li tilħaq l-ammont massimu eliġibbli għal appoġġ għall-akkomodazzjoni tista’ taffordja appartament ta’ kamra waħda biss… fi 3 minn 20 lokalità. U meta l-limitu jiżdied għal 30%, dan jiżdied għal 6 lokalitajiet biss.
Net News attenda għat-tnedija ta’ dan ir-rapport fejn tkellem mal-President ta’ Solidarjeta, Matthew Attard li spjegalna b’liema rata qegħdin jogħlew il-prezzijiet u l-effetti ħorox li qed iħallu fuq dawk li jikru.
Ir-rapport jisħaq li l-maġġoranza ta’ dawk li jikru f’Malta jonfqu wisq mid-dħul tagħhom fuq id-djar u huwa rari li persuna li tikri tkun tista’ taffordja appartament jew residenza sabiex tgħix fiha.
//= $special ?>

