F’Jannar se jkun qiegħed jiftaħ il-bibien tiegħu t-tieni hub għal vittmi tal-vjolenza domestika u vjolenza
abbażi tal-ġeneru, fl-Imtarfa, hekk kif ix-xogħlijiet jinsabu fl-aħħar fażi. Dan il-hub, fit-Tramuntana tal-pajjiż, se jkun qiegħed jopera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, is-sena kollha.
Wara li fi Frar tal-2024 kien infetaħ l-ewwel ċentru fin-naħa tan-Nofsinhar tal-pajjiż, f’Santa Luċija, il-Korp tal-Pulizija beda jaħdem sabiex jimmodernizza l-binja fejn kienet l-Għassa tal-Pulizija tal-Imtarfa
sabiex din tinbidel f’hub li minnu topera t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika u Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru.
Dan iċ-ċentru tal-Imtarfa se jkun qed joffri diversi servizzi ta’ appoġġ u assistenza professjonali minn
membri tal-Korp tal-Pulizija, professjonisti, u ħaddiema mħarrġa f’dan il-qasam u minn diversi
entitajiet sabiex jgħinu u jagħtu servizz u appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Il-Hub se joffri
ambjent adegwat u l-privatezza neċessarja għall-vittmi, fil-fatt huwa mgħammar b’tagħmir fejn il-vittma tista’ tagħti x-xhieda tagħha ‘l bogħod mill-preżenza tal-aggressur.
Fl-ewwel ħames snin mindu twaqqfet it-taqsima tal-Vjolenza Domestika u Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru fil-Korp tal-Pulizija, kienet irreġistrta żieda ta’ kważi 70% fir-rapporti ta’ vjolenza domestika.
L-aħħar stħarriġ tal-Eurostat juri li llum Malta għandha l-ogħla rata ta’ rapporti ta’ gender-based violence fl-Ewropa, b’rata ta’ 48%, kważi d-doppju tal-medja Ewropea li tammonta għal 26%.



