Sport

Ħamrun Spartans jirbħu lil Floriana u Valletta lil Birkirkara   

Floriana………..0   Ħamrun Spartans………….2

Id-distakk bejn Floriana u Ħamrun Spartans naqas għal punt f’partita fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali li matulha Ħamrun dehru konvinti li ma setgħux ifallu milli jieħdu punti.

Fit-18-il minuta kienu Floriana, b’Scerri kellu xutt minn barra l-kaxxa li ħabat mal-lasta l-wieqfa. Minkejja bosta azzjonijiet offensivi miż-żewġ timijiet, l-iskor baqa’ intatt sa tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, fil-55 minuta freekick għal Floriana mogħti minn Grech mix-xellug iżda Bonello interċetta sabiex minuti wara l-coach ta’ Ħamsrun Spartans, Giacomo Modica, wettaq sostituzzjoni doppja b’Jonny u Thioune flok Attard u Bruno rispettivament.

Ħamrun Spartans fetħu l-iskor fis-76 mnuta permezz ta’ JONNY li minn ftit metri barra l-kaxxa għeleb lil Cioletti.

Bi Floriana jonqsu milli jwettqu reazzjoni immedjata fil-81 minuta Ħamrun irdoppjaw wara azzjoni personali ta’ CADENOVIC. Gowl li litteralment għalaq il-partita b’Ħamrun iġeddu t-taqtiegħa għall-ewwel post.

Ir-referee kien Slobodan Petrovic.

Valletta    2       Birkirkara    0

Żewġ gowls fl-ewwel taqsima kienu biżżejjed għal Valletta biex għelbu lil Birkirkara fit-Tony Bezzina Stadium f’partita li l-istess Valletta iddettaw fil-ftit okkażjonijiet li kien hemm.

Valletta fetħu fuq l-offensiva fejn fis-7 minuta twaqqa’ Messias fil-kaxxa, b’Valletta talbu l-Video Support u eventwalment ingħataw penalty.  Tah, Messias li ra x-xutt salvat minn Martinez iżda Andrea Zammit xeħet fix-xibka.

Ir-referee wara li ċċekkja l-filmat ordna li l-penalty jerga’ jingħata fejn din id-darba MESSIAS għeleb lil Martinez.

Fil-41 minuta azzjoni ta’ Valletta bix-xutt ta’ Messias imxellef għal korner minn difensur. Mill-istess korner il-goalkeeper Matthew Grech li daħal flok Martinez, ippanċja kif seta’ u mill-viċin YANKAM ma kellu ebda problema li jirdoppja.

Fil-65 minuta wara reviżjoni oħra bil-Video Support kien muri karta ħamra Manuel Morello ta’ Birkirkara.

Ir-referee kien Philip Farrugia.