Lokali

“Ikomplu jikbru d-diffikultajiet għal min irid jikri daru” – PN

Studju ġdid juri li l-affordabbiltà fil-kiri f’pajjiżna llum hija kważi ineżistenti, b’kirjiet li qed jogħlew b’rata ferm ikbar miż-żidiet fil-pagi u fl-għoli tal-ħajja

Koppji, familji u persuni li jridu jikru proprjetà f’pajjiżna qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jagħmlu dan.

Skont studju ppubblikat mill-għaqda tal-inkwilini Solidarjetà li sar mill-Ekonomista Calvin Vella, l-affordabbiltà fil-kiri llum hija prattikament żero għal kull min irid jikri daru.

L-Awtorità tad-Djar stess tgħid li biex proprjetà tkun affordabbli u persuna, koppja jew familja, ikunu jistgħu jgħixu tajjeb, l-ammont li jħallas inkwilin irid ikun inqas minn 25% tad-dħul tal-kerrej.

Iżda dan l-istudju bit-titlu An Analysis of Affordability in the Private Rental Market in Malta sab li fil-kategoriji kollha – sew jekk persuna single, jew koppja, bit-tfal jew bla tfal, sew jekk bil-minimum wage jew b’salarju ta’ €35,000 fis-sena, ma jeżistu kważi l-ebda kirjiet li huma inqas minn 25% tad-dħul. Anke ħafna persuni jew familji li jaqilgħu €40,000 ukoll mhumiex isibu kirjiet affordabbli fil-biċċa l-kbira tal-lokalitajiet.

Anke jekk minn 25% il-benchmark tal-affordabbiltà jiġi aġġustat għal 30%, xorta mhux neċessarjament ikun irreġistrat titjib. Pereżempju persuna waħidha li tiddependi fuq l-ogħla ammont ta’ sussidju taffordja tikri biss appartament b’kamra tas-sodda waħda fi tliet lokalitajiet minn total ta’ għoxrin jekk il-kirja ma tkunx aktar minn 25% ta’ dak li ddaħħal, waqt li jekk il-benchmark ikun 30% kulma jiżdiedu jkunu tliet lokalitajiet.

L-istudju analizza 38 xenarju differenti bbażati fuq tagħrif tal-Awtorità tad-Djar stess u qabbilhom mar-rata medja tal-kirjiet fis-suq. Ir-riżultati juru li minn 38 każ differenti, tlieta biss jaffordjaw iħallsu l-prezz medju biex jikru u anke hawn, dan ikun possibbli biss bis-sussidju tal-gvern.

Ir-rapport jgħid li l-prezzijiet tal-kirjiet qed ipoġġu fuq min jikri piżijiet finanzjarji sostanzjali. Dan minħabba li l-kirjiet għolew b’rata ferm u ferm aktar mgħaġġla miż-żidiet fil-pagi u l-qabża fl-għoli tal-ħajja.

Minbarra dan, l-istudju jitfa’ dawl fuq kif differenzi żgħar fid-dħul jistgħu jagħmlu differenza kbira fis-sussidju li wieħed jista’ jibbenefika minnu. Dan qed joħloq diskriminazzjoni ma’ bosta persuni.

L-istudju jikkonkludi li min jikri f’Malta qed iġorr piż li ma jiflaħx għalih u huma l-eċċezzjoni – u mhux ir-regola – il-każi fejn inkwilin jista’ jaffordja l-proprjetà li jgħix fiha. Ir-rapport, għalhekk, jagħmel rakkomandazzjonijiet għal regolamenti aktar ġusti fejn tidħol il-kera, u jsejjaħ ukoll biex isiru bidliet ħalli aktar nies isiru eliġibbli għall-iskemi ta’ għajnuna tal-housing.

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex ipoġġi mal-Oppożizzjoni u flimkien ma’ stakeholders professjonisti fil-qasam u mal-pubbliku, iħarsu  b’serjetà lejn soluzzjonijiet biex kulħadd ikun jista’ jerġa’ jibda jgħix ħajja b’dinjità, b’saqaf fuq rasu li ma jpoġġilux fuq spalltu piżijiet li ma jiflaħx għalihom.

Jekk il-Gvern jemmen verament fis-slogan li uża f’wieħed mill-aħħar budgets – Pajjiż ta’ Kwalità – irid jiżgura li kull persuna jkollha ħajja ta’ kwalità l-ewwel u qabel kollox billi jkollha dar li tista’ tgħix biha mingħajr sagrifiċċji akbar milli tiflaħ.

Dan intqal minn Ivan Bartolo ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni.