Il-Gvern ta’ Robert Abela qala’ ħasla oħra għan-nuqqas ta’ trasparenza u governanza tajba. Dan wara li Abela qabad u abolixxa l-prattika li l-Ministri jippubblikaw d-dikjarazzjoni tal-assi u d-dħul tagħhom kif kien ilu jsir is-snin.
F’ittra indirizzata direttament lill-Prim Ministru li ġiet ippubblikata llum flimkien ma’ stqarrija, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien ċar daqs il-kristall. Dak li qed jagħmlu Robert Abela u l-Gvern mhuwiex aċċettabbli f’demokrazija li titlob l-ogħla livell ta’ trasparenza minn min qed imexxi.
Abela u sħabu naqsu li jpoġġu fuq il-mejda tal-Kamra d-dikjarazzjonijet tal-assi tagħhom għall-2023. Lanqas ma għamlu d-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom għall-2024.
U issa, f’daqqa waħda, il-Kabinett iddeċieda li dan l-obbligu jiġi eliminat u, minflok, il-Ministri jibdew jagħmlu biss id-dikjarazzjoni tal-assi li ssir minn kull deputat parlamentari – li hija inqas dettaljata. Dan effettivament ifisser li l-Ministri mhux se jibqgħu jiddikjaraw id-dħul tagħhom u lanqas l-investimenti finanzjarji u l-kontijiet bankarji miżmumin mill-konjuġi tagħhom – informazzjoni mitluba fil-formola tal-ministri imma mhux f’dik tad-deputati.
Il-Kummissarju għall-Istandards, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, qal li b’hekk it-trasparenza fit-tmexxija pubblika ħadet daqqa lura, waqt li kompla jgħid li dan jibgħat messaġġ negattiv ferm.
Hu insista fuq qafas etiku b’saħħtu b’mod partikolari għall-Ministri. Dan minħabba s-setgħat li għandhom u r-riżorsi li għandhom aċċess għalihom.
Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-Kummissarju għall-Istandards fl-appell tiegħu lill-Prim Ministru u lill-Ministri kollha tal-Gvern, biex jekk verament m’għandhom xejn x’jaħbu mill-poplu li eleġġiehom, ipoġġu lilhom infushom għall-iskrutinju pubbliku.
Pajjiżna ma jiflaħx aktar daqqiet fit-trasparenza u l-governanza. Il-poplu tagħna jixraqlu ferm aħjar.
//= $special ?>

