Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell Kriminali tikkonferma n-nuqqas ta’ ħtija f’każ ta’ allegata frodi fuq top-up cards

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ċaħdet l-appell imressaq mill-Avukat Ġenerali u kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet illiberat lil Raymond Cutajar minn kull ħtija u piena.

Cutajar kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużat li, bejn Jannar 2014 u Diċembru 2016, wettaq frodi, abbuż minn fondi pubbliċi u approprjazzjoni indebita ta’ somom li jaqbżu l-€5,000, b’detriment tal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima (MSDEC) u tal-Gvern ta’ Malta.

L-allegazzjonijiet kienu relatati ma’ diskrepanza bejn l-ammont ta’ top-up cards mixtrija mill-Ministeru u dawk li effettivament tqassmu, fi żmien meta l-appellat kien jaħdem bħala ‘senior clerk’ responsabbli mix-xiri u t-tqassim tagħhom.

Fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2025, il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkużi lil hinn minn kull dubju raġonevoli u għalhekk illiberat lill-akkużat. L-Avukat Ġenerali appella minn din id-deċiżjoni, u sostna li l-ewwel Qorti kienet wettqet apprezzament żbaljat tal-provi, b’mod partikolari tax-xhieda tal-Inġinier Philip Schembri, li kien mexxa investigazzjoni interna fil-Ministeru.

Il-Qorti tal-Appell osservat li l-uniku aggravju tal-prosekuzzjoni kien dwar l-evalwazzjoni tal-provi, u fakkret fil-prinċipju stabbilit li l-Qorti tal-Appell ma tintervenix f’dak l-apprezzament sakemm is-sejbien tal-ewwel Qorti ma jkunx manifestament irraġonevoli jew kuntrarju għall-evidenza.

F’dan il-każ, il-Qorti kkonkludiet li l-ewwel Qorti kienet ġustament għamlet distinzjoni bejn irregolarità amministrattiva u reat kriminali imputabbli personalment lill-akkużat. Il-Qorti tal-Appell tat importanza wkoll lill-fatt li d-dokumenti ppreżentati mill-investigazzjoni interna ma kinux awtentikati, u għalhekk ma setgħux jitqiesu bħala l-aħjar prova skont il-liġi.

Barra minn hekk, il-prosekuzzjoni naqset milli tippreżenta provi ċari u suffiċjenti dwar kemm top-up cards kellhom jinħarġu, kemm inxtraw fil-fatt u kemm tqassmu. Fir-rigward tal-allegat mottiv marbut ma’ vizzju tad-droga, il-Qorti rrimarkat li, anke jekk tali mottiv jiġi stabbilit, dan waħdu ma jissostitwixxix il-ħtieġa li l-att kriminali u l-intenzjoni jiġu ppruvati lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali u kkonfermat il-liberazzjoni ta’ Raymond Cutajar, kif deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati.