Lokali Qorti

Il-Qorti twaqqaf żvilupp ta’ żewġ residenzi u żewġ pixxini fin-Nadur

Il-Qorti waqqfet l-iżvilupp ta’ żewġ residenzi ġodda u żewġ pixxini fin-Nadur wara li analizzat bir-reqqa l-permess li kien oriġinarjament approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar. L-appellant sostna li l-iżvilupp ma kienx konformi mal-Linji Gwida DC15, speċjalment mal-Policy P33, li tippermetti żvilupp intern addizzjonali biss meta l-unità residenzjali tiġi integrata fi żvilupp intern eżistenti, u li l-frontage tal-binjiet m’għandux ikun għal fuq ‘schemed road’.

Dan wara appell li tressaq minn terzi kontra l-approvazzjoni ta’ permess tal-iżvilupp li jirrigwarda minn twaqqiegħ ta’ residenza eżistenti u l-iżvilupp ta’ żewġ residenzi u żewġ pixxini f’sit fi Triq Xandriku. Il-Qorti irrivistat il-pjanti u s-sottomissjonijiet u sabet li l-permess ma kienx legali. L-iżvilupp propost kien ifisser żewġ residenzi b’faċċata fuq triq skemata li ma jikkonformawx mad-definizzjoni ta’ internal development kif stipulat fil-Policy P33, u għalhekk il-permess ma setax jipprovdi dritt legali għall-kostruzzjoni.

Barra minn hekk, l-approvazzjoni tal-pixxini ma kinitx f’konformità mal-Policy 6.4 tar-RPDG14, li tipprovdi li pixxini għandhom jiġu pożizjonati ġewwa curtilage ta’ akkomodazzjoni legalment stabbilita. B’riżultat, il-Qorti laqgħet l-appell tat-terz, irrivokat il-permess PA3614/22, u kkonfermat li dan huwa null u bla effett fil-liġi, u għaldaqstant l-iżvilupp propost ta’ żewġ residenzi ġodda u żewġ pixxini fin-Nadur ma jistax jibda.

Fil-Qorti tal-Appell (Kompetenza Inferjuri – Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar), quddiem il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, sar ir-rigward tal-appell ta’ Gaetano Bertolini kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar tad-29 ta’ April 2025, li kkonfermat l-approvazzjoni tal-permess PA3614/22 għat-twaqqiegħ ta’ residenza eżistenti u l-kostruzzjoni ta’ żewġ residenzi ġodda flimkien ma’ żewġ pixxini fin-Nadur.

Ir-rikors ta’ Bertolini kien jargumenta li l-approvazzjoni kienet fi ksur tal-policy li kienu ġew approvati fuq art li tinsab wara propjetà ta’ terzi (backland) u b’hekk ma jissodisfawx id-definizzjonijiet u r-regolamenti għall-iżvilupp intern u l-pixxini f’ODZ.

It-Tribunal analizza l-argumenti tal-appellant, ir-risposti tal-Awtorità u l-applikant, kif ukoll is-sottomissjonijiet ta’ terzi interessati, u kellu l-għan li jivvaluta jekk il-proposta kienet konformi mal-policies ta’ ppjanar rilevanti.

Fir-rigward tal-ewwel aggravju dwar il-policy P33, it-Tribunal sab li l-appellant ma kkunsidrax il-fatt li r-residenzi proposti kellhom faċċata fuq triq skemata u għalhekk mhux talli kienu “internal development” kif definita fil-policy, u li l-proposta ma kienet qed iżżid unita’ residenzjali addizzjonali ma’ żvilupp intern eżistenti.

Fir-rigward tat-tieni aggravju dwar il-pixxini, it-Tribunal sab li dawn kienu proposti ġewwa ġnien li kien parti minn akkomodazzjoni legalment stabbilita, u għalhekk kienu konformi mal-policy 6.4 tar-RPDG14, u li l-istrutturi u l-livell ta’ żvilupp kienu proprji għall-kuntest rurali u l-karatteristiċi tas-sit.

Madankollu, il-Qorti qalet li l-ewwel aggravju għandu merit u li t-Tribunal applika ħażin il-policy P33, billi identifika l-faċċata tat-twieqi bħala ‘frontage’ u mhux kif tinterpretaha l-policy, u b’hekk l-iżvilupp propost kellu jaqa’ bħala internal development fuq sit wara żvilupp eżistenti.

Il-Qorti osservat li l-eżempji u l-paraguni li t-Tribunal għamel ma kienu xierqa, speċjalment meta tikkunsidra blokki ta’ appartamenti u aċċess komuni bħala komparazzjoni. Il-Qorti qalet li l-appellant għandu jingħata raġun, u għalhekk irrevokat d-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar tad-29 ta’ April 2025 u tqis il-permess PA3614/22 null u bla effett fil-liġi.